L-istqarrija dwar is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali llum minn Adrian Delia hija xhieda oħra ta’ kemm hu politiku opportunist li jirrispetta l-istituzzjonijiet biss meta jagħtu ġudizzju li jgħoġob lilu. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-PL spjega kif jekk xejn is-sentenza tal-Qorti llum iġġib fix-xejn id-diskors kollu tal-Kap tal-Oppożizzjoni fl-aħħar xhur meta kontinwament għajjat li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna ma jaħdmux.
Spjega li s-sentenza hija xhieda oħra ta’ kif f’dan il-pajjiż tirrenja r-rule of law fejn l-istituzzjonijiet huma b’saħħithom u indipendenti anke jekk fl-aħħar snin kienu attakkati bl-aħrax mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Qal li fuq kollox Adrian Delia jitkellem ħafna fuq in-normalità. Peró oppożizzjoni normali u responsabbli tirrispetta l-istituzzjonijiet dejjem u mhux biss meta jaqblilha. L-oppożizzjoni messha rrispettat l-istituzzjonijiet meta ħarġet l-inkjesta dwar Egrant u ħadet il-passi biex il-protagonisti ta’ dik il-gidba jirriżenjaw.
L-istqarrija temmet tgħid li aktar minn hekk Adrian Delia messu mar għand l-istituzzjonijiet biex insiru nafu jekk kienx minnu jew le dak li qalet fuqu Daphne Caruana Galizia li akkużatu b’akkużi mill-iktar serji. Dakinhar Delia beża’ mill-istituzzjonijiet. Dakinhar l-aġir tiegħu ma kienx aġir normali ta’ min ma jkollux x’jaħbi.