Kwistjoni li nqalgħet bejn l-għarusa u kumpanija li tipprovdi l-ikel fit-tiġijiet wasslithom il-qorti, fejn tal-ewwel ma riditx tħallas il-ħlas dovut minħabba li qalet li ma kellhiex ikel biżżejjed għal 500 mistieden.
L-għarusa ttellgħet il-qorti mill-Kumpanija Busy Bee bi kwistjoni fuq il-kont li jmur lura għal tieġ li sar fl-2014.
Kemm l-għarusa kif ukoll ommha, sostnew li kienu urew tħassib meta raw il-lista ta’ ikel meta marru biex jordnawh, fejn tħassbu li mhux biżżejjed. Mentri l-persuna li qdiethom serħilhom moħħhom li kien se jkollhom biżżejjed u jiżguraw li ma jkunx hemm ħela.
Fil-jum tat-tieġ, l-inkwiet beda f’nofs il-festin, meta anke familjari bdew jgħidu li ma kienx hemm biżżejjed ikel u kien hemm waiter li allegatament qal li l-ikel kien intenzjonat għal 400 persuna mhix 500 persuna. Fl-aħħar tat-tieġ, rappreżentant minn Busy Bee qal lil missier l-għarusa li ma kienx baqa’ ikel.
Kemm familjari kif ukoll ħaddiema tal-kumpanija spiċċaw il-qorti biex jixhdu.
Il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima, wara li ġiet ipprezentatha bl-evidenza meħtieġa, qalet li kien hemm ikel bizzejjed skond in-norma u l-evidenza uriet li t-tieġ dam iżjed milli suppost, bil-koppja ma kinitx għadha qasmet il-kejk matrimonjali sal-17.00, u saħansitra t-tieġ baqa’ għaddej sat-20.30. Sostniet ukoll li l-fatt li ma kienx baqa’ ikel ma kienx tort tal-kumpanija.
Il-qorti ordnat li jitħallas il-kont ta’ €12,359 kif ukoll l-interessi mis-sena 2014 sal-lum.