Se nibqgħu nittrattaw il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Rapport tal-Qorti Ewropea ppubblikat fl-aħħar sigħat sab bosta nuqqasijiet f’din il-faċilità li ħafna minnhom seħħu waqt tmexxija Nazzjonalista li m’għamlet xejn dwarhom u wasslu biex Malta nstabet ħatja u weħlet multa għal xi nuqqasijiet.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li l-awtoritajiet tal-ħabs huma impenjati li jagħmlu l-bidliet meħtieġa.
Qal li qed tingħata importanza kbira lir-rapport u lir-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura.
Sostna li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet qed ikunu implimentati ħalli jitjiebu l-faċilitajiet u s-servizzi. Qal li l-istruttura tal-ilmenti diġà teżisti permezz tal-Bord tal-Viżitaturi fejn kull priġunier ikun jista’ jagħmel l-ilmenti tiegħu.
Ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se ssir qabża ta’ kwalità fl-ikel li jingħata lir-residenti u qed isiru taħditiet biex jitjiebu l-ħlasijiet ta’ xogħol li jsir mir-residenti. Dan filwaqt li parti mill-faċilità qed tinbidel f’post fejn isir xogħol minflok li jibqa’ jsir fiċ-ċelel.
Fl-aħħar ġimgħat bdiet ukoll l-evalwazzjoni tal-infrastruttura tal-faċilità, li għas-snin li ġejjin se twassal għal binja adattata għaż-żminijiet tal-lum.