Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea annullat id-deċiżjoni li kienet ħadet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-konfront tal-eks Ewroparlamentari Monica Semedo dwar każ ta’ fastidju hekk kif instab li d-drittijiet tagħha ma ġewx rispettati.
Il-Qorti wkoll ħassret multa li kienet imposta minn Metsola.
Wara ilment minn eks assistent Parlamentari, il-kumitat konsultattiv tal-Parlament Ewropew f’Novembru tal-2022 kien ikkonkluda li Semedo kienet involuta f’allegati atti li jikkostitwixxu għal fastidju psikoloġiku.
Metsola, ix-xahar ta’ wara, kienet bagħtet verżjoni mqassra tar-rapport lil Semedo għar-reazzjoni tagħha, iżda l-eks MEP mil-Lussemburgu kkontestat ir-rapport u nsistiet li jkollha aċċess għall-fajl sħiħ, xi ħaġa baqgħet qatt ma ngħatatilha.
Sussegwentement, f’April tal-2023, Metsola ssanzjonat lil Semedo għat-tieni darba matul il-mandat 2019-2024 għal fastidju psikoloġiku u waħħlitha multa ta’ €3,380, minkejja li d-deputata dejjem ċaħdet l-akkużi.
Issa l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li persuna akkużata b’fastidju għandha d-dritt għal sommarju tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda li jkunu nstemgħu fl-investigazzjoni.
Iżda l-Qorti sabet li dak mibgħut lil Semedo ma kienx jirrifletti s-sustanza tax-xhieda mogħtija u li, allura, tali deċiżjonijiet ta’ Metsola kienu irregolari u jikkostitwixxu għal ksur tad-dritt li l-Ewroparlamentari tiddefendi ruħha u għalhekk il-miżuri meħuda illegali.
Il-Parlament Ewropew issa għandu xahrejn ċans biex jiddeċiedi jekk jappellax mid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea.