Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet kontra Malta dwar id-deroga fuq il-qbid ta’ seba’ speċi slavaġġ ta’ għasafar tal-għana wara li tat is-sentenza tagħha fil-każ li fetħet il-Kummissjoni Ewropea kontra din il-prattika fid-delizzju Malti.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li element wieħed mid-deroga għar-riċerka applikata minn Malta fis-snin 2020, 2021 u 2022 ma kienx konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar tal-Unjoni Ewropea.
Meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-elfejn u erbgħa, il-ftehim ta’ sħubija kien jipprovdi għal perjodu ta’ tranżizzjoni fejn il-Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kien impenja ruħu li jaqta’ l-insib. Wara li l-insib ġie pprojbit, fl-2014, Gvern Laburista kien adotta deroga biex terġa’ tippermetti l-qbid tal-għasafar tal-għana.
Erba’ snin wara, fl-elfejn u tmintax, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet iddeċidiet li din id-deroga ma kinitx tissodisfa l-kriterji meħtieġa u, għalhekk, ġiegħlet lil Malta biex tneħħiha.
Kawża t’hekk, fl-elfejn u għoxrin, Malta introduċiet deroga ġdida bi skop ta’ riċerka għall-istess seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.
Iżda, il-Ħamis, il-Qorti Ewropea qalet fis-sentenza tagħha li dan l-argument mhuwiex validu.
B’reazzjoni għal dan, stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, li hu responsabbli mill-qasam tal-kaċċa u l-insib, qalet li l-Gvern qed janalizza fid-dettal is-sentenza biex jivvaluta l-implikazzjonijiet tagħha u anke t-triq ’il quddiem.
Ingħad li l-Gvern se jibqa’ determinat li jiddefendi l-prattiċi legali tal-kaċċaturi u n-nassaba lokali u se jkompli jimpenja ruħu mal-partijiiet interessati relevanti biex jiżgura li t-tħassib tagħhom jiġi indirizzat b’mod xieraq u b’rispett sħiħ lejn il-liġi tal-Unjoni Ewropea u s-sentenza li ngħatat issa mill-Qorti tal-Ġustizzja.