Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għadha kemm ippubblikat rapport li mexxa l-ex Membru Malti tal-Qorti Ewropea Leo Brincat qabel intemm it-terminu tiegħu f’Settembru. Xogħlu kien li jevalwa jekk il-programmi bejn il-fruntieri kinux effettivi fit-tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali tal-fruntieri esterni kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fost dawn kien hemm l-uniku programm ta’ koperazzjoni bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa, illum sospiz, għalkemm l-awditjar sar fuq medda ta’ żmien u ngħalaq ftit qabel faqqgħet il-gwerra Russa fl-Ukrajna.
Ir-rapport sab li minkejja ċerti dgħufijiet, il-programmi bejn il-fruntiera ffinanzjati mill-UE ma’ pajjiżi tal-viċinat ipprovdew appoġġ ġeneralment rilevanti u siewi lir-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri esterni tal-UE. Madankollu, l-awdituri jwissu wkoll li l-kuntest ġeopolitiku attwali bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja se jkollu impatt sinifikanti fuq nofs il-programmi proposti għas-snin li ġejjin.
L-awdituri sabu li l-programmi tal-UE identifikaw prijoritajiet u għażlu objettivi – li jvarjaw mill-wirt kulturali sal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata – li kienu jaqblu mal-ħtiġijiet u l-isfidi tar-reġjuni tal-fruntiera. Il-proċess tal-għażla fis-seħħ kien fil-biċċa l-kbira trasparenti u mfassal biex jintgħażlu l-proġetti l-aktar adatti.
F’kummenti, Leo Brincat qal il permezz tar-rapport: “Ħeġġiġna titjib fil-ko-ordinazzjoni bejn il-programmi; it-tisħiħ tal-involviment tad-delegazzjonijiet tal-UE, il-bżonn li tiġi adattata għodda tal-IT għal kontra l-frodi, il-bżonn li tiġi pprovduta gwida dawr il-moniteraġġ tas-sostenibilità wara l-għeluq tal-proġett, li jiġu kkonsultati s-servizzi kollha rilevanti dwar proġetti ta’ infrastruttura kbar, u l-bżonn ta’ tisħiħ tal-użu tal-indikaturi komuni.”