Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri kkonkludiet li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea wrew reżiljenza konsiderevoli fil-konfront tal-pandemija tal-COVID-19.
Rapport li għadu kif ġie ppubblikat jgħid li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lkoll taw rispons rapidu u flessibbli, u bbenefikaw minn investimenti preċedenti li kienu għamlu fid-diġitalizzazzjoni.
Ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jgħid ukoll li, minkejja dan, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għad fadlilhom sfidi biex jinqdew mill-aħjar li jistgħu bl-innovazzjoni u l-flessibbiltà li ġabet magħha l-kriżi fid-dinja ta’ wara l-COVID.
Il-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat, qal lil ONE NEWS li, fl-aħħar mill-aħħar, minn din ir-reżiljenza li wrew l-istituzzjonijiet Ewropej quddiem il-pandemija, huma ċ-ċittadini Ewropej li jgawdu.
Huwa qal, “Jekk il-fondi minfuqa jintefqu b’mod iktar effettiv u effiċjenti l-iktar li se jgawdi huwa t-taxpayer innifsu; mhux il-Gvern biss individwali, imma ċ-ċittadin innifsu li jħallas it-taxxi. Issa, biex inkun fair, jien naħseb illi, overall, l-istituzzjonijiet, meta tqis kif din ġiet ħabta u sabta fuq kulħadd, ħadmu pjuttost tajjeb.”
Leo Brincat osserva li, minkejja l-imxija tal-Covid-19, l-istituzzjonijiet Ewropej irnexxielhom jadottaw inizjattivi ta’ politika importanti – bħall-pjan ta’ rkupru ‘NextGenerationEU’, li jiswa 750 biljun ewro, u l-baġit ta’ seba’ snin tal-Unjoni Ewropea.
Huwa qal, madanakollu, li dejjem jibqa’ spazju biex wieħed jislet tagħlimiet għall-ġejjieni.
Temm jgħid, “M’għidniex illi dan huwa kollu ward u żahar. Għall-kuntrarju, għidna illi, għalkemm l-awditu joħroġ diversi aspetti pożittivi, jagħmilha ċara illi l-areas li minnhom jista’ jibbenefika ċ-ċittadin normali hemm bżonn jiġu ffukati iktar u jiġu identifikati b’mod aktar ċar. Għalhekk, ma neskludix – għalkemm ma nistax nintrabat f’dan l-istadju – illi fi stadju ulterjuri jsir awditu ieħor iktar fil-fond biex wieħed jistabbilixxi kemm verament dawn l-għanijiet jintlaħqu biex ma jibqgħux biss eżerċizzju fuq il-karta.”