Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem illum tat sentenza fil-każ ta’ Grace Gatt kontra Malta, fejn l-istat Malti nstab li kiser id-drittijiet fundamentali tagħha meta fl-2006, fi żmien li l-Korp kien fit-tmexxija tal-ex Kummissarju John Rizzo, nbdew proceduri kontriha biex titkeċċa mill-Korp tal-Pulizija.
Dwar dan il-każ kien inħatar bord magħmul minn uffiċjali tal-pulizija li kienu jaqgħu taħt il-Kummissarju.
Il-Kummissarju ta’ dak iż-żmien John Rizzo kien ifformula l-akkużi kontra tagħha, fosthom li kienet siefret minn Malta bla permess u li kienet dehret fuq programm televiżiv mingħajr permess.
Il-Bord maħtur mill-Kummissarju qabel mal-akkużi tal-Kummissarju Rizzo, bir-rapport mar għand il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) , li qablet f’kollox u saħansitra ġie ppruvat li ċ-Chairman kien jiddiskuti mal-Kummissarju x’piena għandha tingħata.
Fil-21 ta’ Dicembru tal-2006, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi ffirma t-tkeċċija.
Grace Gatt ħadet il-każ tagħha quddiem il-Qrati Kostituzzjonali, fejn qajmet diversi lmenti fuq kif ġiet ittrattata.
Il-Qorti Kostituzzjonali fl-appell ċaħdet it-talbiet tagħha, u konsegwentement Gatt għamlet it-talba quddiem il-Qorti Ewropea.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ewropea qalet li l-mod kif il-Kummissarju u l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku mexxew il-proċeduri, kienu qed jiksru l-jedd għal smigh xieraq.
Instab ukoll li dak li ġie deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali ma kienx ifejjaq l-ilment li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ Grace Gatt.
Il-Qorti Ewropea b’vot unanimu kkundanna lill-Istat Malti li jħallas €15,000 danni morali lil Grace Gatt, u żammilha fermi d-drittijiet tagħha għall-ħlas ta’ danni li sofriet minħabba t-tkeċċija.
L-Avukat Joseph Brincat deher għal Grace Gatt tul il-proċeduri.