Il-framework, li għandu pajjiżna fil-każ tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana bi skop ta’ riċerka, ġie deskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala wieħed robust.
Dan qalu l-Ministru responsabbli Clint Camilleri f’dikjarazzjoni qawwija li għamel, waqt seduta Parlamentari din il-ġimgħa, biex iwieġeb lid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg, li talab l-informazzjoni dwar is-sentenza li ngħatat ix-xahar li għadda fil-Lussemburgu kontra Malta.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar qal li l-Qorti Ewropea,fis-sentenza tagħha, qalet li pajjiżna ma spjegax biżżejjed l-iskop tiegħu, proprju għax ma teżistix alternattiva oħra għal din id-deroga.
“Però qalet ukoll li l-framework li għandu pajjiżna f’din id-deroga hu wieħed robust, wieħed tajjeb, preċiż.”
Il-Ministru responsabbli indika kif il-Gvern ma qagħadx b’idejh fuq żaqqu f’dan ir-rigward, imma, sa mill-ewwel ġurnata, ried jassigura li Malta tkun konformi mad-deroga mid-Direttiva tal-Għasafar tal-Unjoni Ewropea u jara xi tkun it-triq ’il quddiem.
Fl-istess ħin, iżda, fakkar fl-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista li, sa mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, żamm il-wegħda ma’ Brussell li jaqta’ l-insib fl-2008, kif fil-fatt ġara.
“In-naħa l-oħra tal-Kamra, proprju qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, kienet bagħtet karti, ittri, leaflets, dar, dar, bieb, bieb biex tassigura lin-nassaba li se jibqgħu jonsbu. Wasal l-2008 u kienet l-aħħar sena li setgħu jagħmlu dan.”
“Proprju għas-sentenza li qed jirreferi, li kelli l-opportunità li nkun hemm preżenti, il-Kummissjoni Ewropea stess irrimarkat waqt is-smigħ tal-kawża, li kien il-Gvern Malti ta’ dak iż-żmien li ta l-impenn tiegħu li se jiġri hekk. U hekk ġara, fuq dik żammew il-kelma. Waqqfu l-istaġun tal-insib darba għal dejjem, bl-aħħar sena tkun l-2008.”
Qal li kellu jkun il-Partit Laburista, wara l-bidla fil-Gvern fl-2013, li, sa minn sena wara, reġa’ introduċa l-insib, permezz tal-ewwel deroga u b’deroga oħra, biż-żieda tar-riċerka, wara sentenza preċedenti Ewropea fl-2019.
Għadaqstant tenna li, issa, il-Gvern Malti qed jipprepara d-dokumentazzjoni kollha neċessarja biex, fl-aħħar mill-aħħar, jaderixxi mad-deċiżjoni li ttieħdet għall-ġid tad-dilettanti Maltin u Għawdxin.