Illum se jkun qiegħed jintlaħaq il-qofol tal-Konferenza Ġenerali Staordinarja tal-Partit Laburista, bid-diskors tal-għeluq mill-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, fejn kulħadd hu mistieden jattendi.
Hu se jkun qed jagħmel id-diskors tiegħu għall-ħabta ta’ 6:00 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.
Sadanittant waqt il-Konferenza Ġenerali Staordinarja ġew diskussi żewġ mozzjonijiet importanti li anke ġew approvati mid-delegati.
Waqt li l-ewwel mozzjoni inkludiet numru ta’ emendi fl-istatut, it-tieni waħda ttrattat l-approvazzjoni ta’ awdituri ġodda tal-Partit.
Dan qed isir bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-governanza u t-trasparenza fi ħdan l-istrutturi kollha tal-Partit.
Tali emendi jixhdu wkoll kif il-Partit Laburista, anke mill-Gvern, qed ikompli għaddej bit-tiġdid biex jaddatta u jibqa’ relevanti skont iż-żminijiet. Il-Partit Laburista għaraf il-ħtieġa ta’ dan biex isaħħaħ it-tmexxija, l-amministrazzjoni, l-istrutturi interni u l-għeruq tiegħu.
Il-Partit Laburista kien u se jibqa’ kommess li ta’ kull sena, kif titlob il-liġi, jippreżenta l-kontijiet finanzjarji u r-rapport tad-donazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali.
Stqarrija mill-Partit Laburista qalet li, fil-qofol ta’ dan it-tiġdid, dejjem żamm fiċ-ċentru tiegħu lill-attivisti, il-membri u d-delegati tal-Partit. It-tmexxija kienet, għadha u se tibqa’ dejjem viċin l-għeruq u se tibqa’ żżomm il-bibien tagħha miftuħin beraħ.