Din hi mota ta’ ferħ li qegħdin jiċċelebraw il-mitt sena tagħhom fi ħdan il-Mellieħa u l-parruċċani tagħha mal-milja taż-żmien.
Mill-kampnar, bħal qishom qed jittawlu biex isellmu bil-ħoss ħlejju tagħhom lit-Torri l-Aħmar, il-Bajja tal-Għadira u l-madwar. It-tokki ta’ dawn il-qniepen ċertament li ndraw mill-parruċċani Melliħin li mitt sena ilu nġabru bi ħġarhom għall-okkażjoni għat-tberik tagħhom mill-Isqof ta’ dak iż-żmien Dom Mauro Caruana.
Proprjament il-ħsieb kien li dawn il-qniepen jitbierku fil-25 ta’ Marzu tal-1925, imma minħabba li dakinhar inzertat lejla xitwija, b’xita kontinwa u kesħa xxoqq il-għadam, kien hemm qbil li ċ-ċelebrazzjoni ssir l-għada 26.
Il-Kappillan Dun Karlu Cortis li tant kien stinka biex jinġabru il-flus biex il-qniepen ikunu mħallsa kien sodisfatt. Kemm Triq il-Parroċċa kif ukoll il-Pjazza ewlenija kienu miżgħuda bin-nies, kollha jsegwu bir-reqqa il-ħames qniepen armati fuq iz-zuntier sabiex jitbierku.
Tiddomina kienet ix-xbieha ta’ Marija Bambina fuq il-qanpiena il-Kbira, li ż-żmien tant kien kiefer magħha li llum il-ġurnata għosfrot qisu qatt ma kienet.
Is-sagristan Christopher Bartolo li s-sena d-dieħla ikun ilu 50 sena jservi f’din il-paroċċa, spjegalna li fi tmiem il-ġimgħa li ġej, il-kampnar se jkun miftuħ għall-pubbliku u se tkun iċċelebrata quddiesa ta’ ringrazzjament bil-parteċipazzjoni tal-korijiet kollha tal-Parroċċaa.
Spjegalna wkol li llum il-ġurnata hu għadu jdoqqhom għalenija, matul is-sena kollha, imma fil-festi bħal l-Milied, l-Għid u l-festa tal-Bambina, Bartolo għandu grupp li jgħinuh.
“Fil-festi għandna grupp ta’ żgħażagħ Melliħin, kemm tfajliet u kemm ġuvintur, imbagħad ngħidilhom xi jridu jdoqqu, u jitilgħu fil-kampnar, fuq, u jiżgaġġjaw il-qniepen, jiġifieri jħollu l-ħolqa tal-qanpiena bil-ħabel, sabiex dawn ikunu jistgħu jdoqqu sabiħ u iżjed komdu biex il-qanpiena ddoqq in-naħa tat-tnejn, diment li tkun marbuta mal-ħabel iddoqq naħa waħda, hemmhekk joħorġu iżjed it-tonalità u s-sbuħija tal-qniepen tal-Mellieħa.”
Is-Sagristan Christopher Bartolo