Kien lejl li sippost kellu jkun ta’ ferħ għal bosta persuni li t-Tnejn filgħaxija rħewlha lejn Manchester Arena biex jaraw lill-idolu tagħhom, il-kantanta ta’ fama internazzjonali, Ariana Grande. Iżda propju ftit wara li ntemm il-kunċert u kulħadd beda ħiereġ ‘il barra nstemgħet splużjoni kbira – splużjoni li kellha tkun raġel estremist ta’ 23 sena li sploda lilu nnifsu.
Sfortunatament kawża tal-isplużjoni mietu 22 persuna; fosthom tifla ta’ tmien snin, tfajla ta’ 15-il sena u tfajla oħra ta’ madwar 18-il sena, u 64 persuna ndarbu – b’20 minnhom jinsabu f’kundizzjoni kritika.
Iżda minkejja t-terrur u d-dwejjaq li dawk li kienu preżenti dak il-ħin jew li kienu fil-qrib ħassew; ftit wara li seħħet l-isplużjoni, il-qlub twajba spikkaw – bħal raġġ ta’ dawl f’sitwazzjoni mdallma.
Fil-fatt għal dawk li bdew isegwu minn fuq il-pjattaforma Twitter fis-sigħat bikrin seta’ jilmaħ messaġġi ta’ residenti jinfurmaw lil dawk li kienu fil-bżonn li fetħu djarhom u qed joffru sodda jew post ta’ kenn. Residenti, li għalkemm xorta waħda ntlaqtu minn dan it-terrur li kien tant viċin tagħhom; warrbu l-biża’ u għamlu ħilithom biex jgħinu lil min kien fil-bżonn.
Messaġġi oħra ta’ kumpaniji tat-taxis kienu fost l-ewwel sejħiet li bdew iduru fuq il-midja b’bosta sewwieqa li kienu Musulmani joffru servizz b’xejn għal dawk li kellhom bżonn jaslu lura d-dar wara dak kollu li seħħ.
Spikkat ukoll l-għajnuna ta’ mara partikolari. Paula Robinson ta’ 48 sena kienet fl-istazzjon tal-ferrovija meta kif semgħet l-isplużjoni telqet tiġri biex tara x’ġara u kif indunat qalet liż-żgħażagħ li kien hemm biex jiġru warajha. Hi ħadithom f’lukanda li kienet fil-qrib u ħadet ħsieb madwar 50 żagħżugħ u żagħżugħa fejn permezz tal-midja soċjali xerrdet in-numru tal-mowbajl tagħha biex tinforma lill-ġenituri li kienet qed tieħu ħsieb lil dawn it-tfal.
Pesuna oħra li verament spikkat kien Stephen Jones, raġel li jgħix barra t-triq u li kif ra dan kollu jseħħ quddiemu mal-ewwel qam minn fejn kien rieqed u flimkien ma’ sieħbu bdew jassistu lil dawk milquta biex joħorġu mill-istabbilment. F’intervista ma’ midja barranija Jones qal “aħna kollha umani u kollha għandna qalb. Irridu ngħinu lil xulxin u kif tista’ ma tgħinx meta tara tfal midruba b’dak il-mod.”
Dawn huma wħud mill-ħafna li f’lejl ta’ terrur kienu l-persuni li nislu t-tama fi qlub bosta. Persuni li għalkemm il-ġest tagħhom jaf kien ċkejken, dawn huma l-persuni li għandhom jibqgħu mfakkra għas-snin li ġejjin.