Il-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbret li żiedet il-qligħ tagħha b’aktar minn sitt miljun ewro għal tletin miljun u tlett mitt elf ewro.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-prestazzjoni tal-ajruport żdiedet kemm fil-qasam tal-avjazzjoni u kemm f’attivitajiet oħra fl-ajrupurt.
Id-dħul tal-grupp għas-sena li għaddiet kien ta’ aktar minn tnejn u disgħin miljun ewro, kważi għaxar miljun aktar mill-2017.
Il-kumpanija qalet li d-dħul mis-settur tal-avvjazzjoni żdied b’aktar minn ħdax fil-mija għal sitta u ħamsin miljun u ħames mitt elf ewro. Din iż-żieda ġiet attribwita għaż-żieda ta’ aktar minn tlettax fil-mija fil-passiġġieri li għaddew mill-ajruport li laħqu rekord ta’ aktar minn sitt miljun u tmien mitt elf passiġġier.
Il-kumpanija kellha żieda ta’ aktar minn erbatax fil-mija fid-dħul minn attivitajiet fl-ajruport li laħqu €26.7 miljun.
Il-bord tad-diretturi rrakkomanda dividend nett ta’ 9 ċenteżmi għal kull sehem.