Il-Knisja Maltija jidher li daħlet ewro sewwa s-sena li għaddiet. Wara snin ta’ problemi finanzjarji, għall-aħħar sentejn il-Kurja Maltija rrapportat aħbarijiet pożittivi dwar il-kotba finanzjarji tagħha. Dan riżultat tal-fatt li l-Arċisqof ta prijorità l-amministrazzjoni tal-istituzzjoni li jmexxi u għalhekk hemm il-frott. Naturalment ma jonqsux ir-reazzjonijiet fuq il-midja soċjali meta toħroġ xi ħaġa hekk. “Mhux suppost jgħixu fil-faqar,” hemm min jgħidlek. “Ġesu ried Knisja li tgħin lill-batut,” jiktbu oħrajn b’ċertu sens ta’ stmerrija.
Peró rrid ngħid li huma kummenti li ma tantx nifhem. Il-Knisja f’Malta, u mhux illum imma minn dejjem, ħadet rwol soċjali importanti.
Fl-edukazzjoni, fil-kura tat-tfal mingħajr ġenituri, fil-ħarsien tal-anzjani u fil-ħidma fost il-vittmi tad-droga u l-persuni b’diżabbiltà. Dan ifisser li kull ewro se jintefaq tajjeb? Mhux bilfors. Jekk inħarsu lejn il-midja tal-Knisja żgur li mhux il-każ. Għalkemm illum mhux dak is-suġġett.
Li ridt ngħid, fi ftit kliem, hu li nieħu gost nara li l-Knisja f’Malta dawret ewro tajba għaliex ċert li ħafna minn dawn il-flus se jintużaw biex isostnu dawn il-proġetti ta’ fejda u bżonnjużi f’pajjiżna.