Il-volum ta’ ilma li ħareġ mal-qerda tal-ilqugħ tad-diga ta’ Kakhovka, li tinsab f’territorju Ukren okkupat mir-Russja, huwa massiv. Biżżejjed wieħed jgħid li l-ispazju li issa qed jitbattal b’ritmu allarmanti iktar jista’ jissejjaħ għadira kbira milli lil ġibjun.
Il-gliegel tal-ilma li ħerġin mill-ġibjun għarrqu meded vasti ta’ art, u dan wassal biex eluf kellhom jabbandunaw djarhom u l-irħula tagħhom biex isalvaw ħajjithom.
L-osservatur tal-ġrajjiet internazzjonali, Dr Brendan Zerafa, jemmen li dan l-att katastrofiku twettaq mir-Russja f’mument meta kkalkulat li aktar kien jaqblilha tikseb gwadann militari fl-immedjat milli taħseb fl-iżvantaġġi li tista’ tispiċċa tbati minnhom hi stess fuq medda itwal ta’ żmien.
Dan minħabba li l-ilma li issa qed jinħela huwa vitali wkoll għall-biedja fir-reġjun Ukren tal-Krimea, li ilu okkupat u eventwalment okkupat mir-Russja sa mill-2014.
Zerafa qal, “Għax l-Ukreni bħalissa għaddejjin b’offensiva u l-għan militari tar-Russja huwa li jnaqqsu l-veloċità ta’ din l-offensiva. Fil-fatt, grazzi għal din l-isplużjoni, se jirnexxilhom inaqqsu r-ritmu ta’ din l-offensiva. Madankollu, long-term, jaf ikun hemm ukoll problemi għall-prvvista tal-ilma fil-Krimea, li hija kkontrollata mir-Russja. Jiġifieri, it can be stated that this action was the giving up of a long-term obective in order to gain something in the short term.”
L-għargħar li ġie kkawżat meta ġiet sploduta d-diga ħalla ħerba sħiħa f’waħda miż-żoni l-aktar fertili fid-dinja – żona li kienet tikkontribwixxi bil-kbir għall-irwol tal-Ukrajna bħala l-ħames l-akbar esportatur tal-qmugħ fid-dinja.
Qed jingħad li din iż-żona tista’, fis-snin li ġejjin, tinbidel f’art niexfa, minħabba li l-ilma li kien jintuża għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’ fiha issa tniġġes u qed jinħela. Il-qerda ta’ din il-medda enormi ta’ għelieqi fertili huwa mistenni li jkollha impatt negattiv fuq l-inflazzjoni u l-ekonomija madwar id-dinja.
Dan biex wieħed ma jsemmix l-affetti ambjentali serji.
Zerafa spjega, “Kellek l-ilma li għadda minn postijiet fejn kien hemm ċerti kimiki li issa se jiġu ttrasportati anki, saħansitra, hemm ċans, sal-Baħar l-Iswed. It-tieni nett, kellek il-kwistjoni li kellek ilma li qed jintuża għal-irrigazzjoni u, ovvjament, meta l-ilma jitniġġes ma jistax jintuża għall-irrigazzjoni. Kellek ukoll mini li ġew trasportati minħabba l-ilma.”