Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fi Frar li għadda il-qgħad naqas bi kważi disgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar is-sena li għaddiet.
Ċifri pprovduti mill-aġenzija Jobs Plus juru li fi Frar il-qgħad naqas b’mija u sitta u sebgħin ruħ minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad biex sal-aħħar tax-xahar kien hemm anqas minn elf u disa’ mitt ruħ fuq il-kotba tal-qgħad.
L-NSO qal li l-qgħad naqas fil-kategoriji kollha bl-akbar tnaqqis kien irreġistrat fost il-persuni li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal aktar minn sena.
Joħroġ ukol li l-qgħad naqas kemm fost l-irġiel kif ukoll fost in-nisa. Il-qgħad fost l-irġiel niżel għal ftit anqas minn elf u tliet mija waqt li l-qgħad fost in-nisa naqas għal ħames mija u sitta u tletin.
Ċifri pożittivi wkoll dwar il-qgħad fost il-persuni b’diżabilità bl-istatistika turi li fi Frar l-għadda l-persuni b’diżabilità jirreġistraw għax-xogħol naqsu b’wieħed u sebgħin meta mqabbel ma’ Frar tas-sena li għaddiet biex issa hemm mitejn u ħmistax-il ruħ biss jirreġistraw għax-xogħol f’din il-kategorija ta’ ħaddiema.
Fost l-irġiel u n-nisa kollha jirreġistraw għax-xogħol, l-iktar xogħlijiet li fittxew kienu dawk marbuta ma’ xogħlijiet klerikali.