F’Settembru l-qgħad f’pajjiżna reġa’ naqas sew skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika.
Fid-disa’ xahar ta’ din is-sena l-NSO nnota li l-qgħad naqas b’aktar minn elfejn ruħ meta wieħed iqabblu mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Fil-fatt f’Settembru li għadda, in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 1,352.
Dan ifisser tnaqqis ukoll ta’ 90 ruħ minn Awwissu li għadda.
Il-qgħad f’Settembru li għadda huwa wkoll taħt il-medja tal-2019, l-aħħar sena fejn ma kellniex pandemija.
Fil-fatt imqabbel mal-medja tal-2019, il-qgħad ta’ Settembru li għadda kien ta’ 350 persuna inqas.
Skont statistika tal-NSO, in-numru ta’ persuni qiegħda taż-żgħażagħ li jgħoddu bejn il-25 u d-29 sena, naqas bi kważi erba’ darbiet.
Dan filwaqt li dawk li jgħoddu bejn it-30 u l-44 sena, in-numru ta’ persuni jfittxu xogħol naqas bi tliet darbiet.
In-nies ifittxu xogħol bejn 21 ġimgħa u sena naqqsu b’aktar minn elf ruħ filwaqt li dawk ifittxu xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa naqsu b’aktar min-nofs.
F’nofs ix-xahar li għadda, il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, qal li Malta se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad, din is-sena u s-sena d-dieħla, fiż-Żona Ewro.
F’Malta issa l-qgħad ilu jonqos b’mod konsekuttiv għal 16-il xahar.