F’Lulju l-qgħad kompla jonqos u kien hemm kważi 300 persuna inqas jirreġistraw għax-xogħol mix-xahar ta’ qabel.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet kif issa l-qgħad niżel taħt l-erbat elef persuna.
L-NSO qal li filwaqt li f’Ġunju ta’ din is-sena l-qgħad kien ilaħħaq l-4,270 persuna, f’Lulju dan niżel għal 3,981 persuna.
Dan ifisser li f’Lulju kien hemm 289 persuna inqas qiegħda.
Imqabbel imbagħad ma’ Mejju, meta l-qgħad f’Malta kien ta’ 4,409 persuna, it-tnaqqis fin-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol imqabbel ma’ Lulju iqarreb kważi il-500 persuna.
Fil-fatt f’Ġunju, pajjiżna kien diġà esperjenza tnaqqis ta’ 3% fil-qgħad fuq ix-xahar ta’ qabel.
F’Ġunju wkoll, pajjiżna kellu l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro flimkien mal-Ġermanja.
Dan skont statistika maħruġa mill-Eurostat li kkonfermat li filwaqt li f’Malta l-qgħad beda jonqos, fl-Unjoni Ewropea dan kompla jiżdied.
F’Marzu 2013, qabel il-bidla fil-Gvern, kien hemm 7,350 persuna jirreġistraw.
Saħansitra fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009 l-ammont ta’ nies ifittxu impjieg kien kważi mess it-8,000.
L-ogħla ammont ta’ qgħad f’pajjiżna mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea kien f’Settembru 2004, meta ċ-ċifra ta’ dawk ma jaħdmux kienet laħqet 8,197 persuna.
Apparti minn hekk taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, il-livell ta’ qgħad taħt l-erbat elef persuna, jiġifieri madwar 3,800 persuna kien reġistrat biss fl-1970, jiġifieri nofs seklu ilu.
L-inqas livell li kien niżel fih il-qgħad fi żmien sensiela ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, jiġifieri bejn l-1998 u l-2012 kien dak ta’ 5,861 f’Ġunju tal-2008.
Dan ifisser li dakinhar il-qgħad kien kważi darba u nofs aktar mil-lum, fejn hemm pandemija li laqtet lid-dinja kollha.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li għat-tieni xahar konsekuttiv f’Malta naqsu n-numru ta’ nies qiegħda hekk kif 289 persuna rnexxielhom isibu xogħol tul ix-xahar ta’ Lulju.