Fix-xahar ta’ Awwissu, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet ta’ inqas minn elf persuna. Dan ħareġ minn ċifri li għadhom kemm ippubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk joħroġ li disa’ mija, erbgħa u sebgħin persuna kienu qegħdin jirreġistraw mal-JobsPlus. L-irġiel kienu jgħoddu għal 69.5% tal-għadd kollu taʼ dawk li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, filwaqt li n-nisa kienu jagħmlu t-30.5% l-oħra.
Dan ifisser li r-rata ta’ qgħad baqgħet fost l-inqas irreġistrati fl-istorja ta’ pajjiżna, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent bil-pandemija tal-COVID-19 u sussegwentement bil-Gwerra fl-Ukrajna, li kkawżat kriżi fis-settur tal-enerġija u l-inflazzjoni.