Il-qgħad f’pajjiżna reġa’ naqas f’April meta mqabbel max-xahar ta’ qabel u b’mod qawwi meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra.
Skont statistika uffiċjali maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika f’April li għadda kien hawn 2,248 persuna jirreġistraw għax-xogħol.
Dan fisser 139 persuna inqas minn Marzu li għadda u saħansitra 1,731 persuna inqas minn April tas-sena l-oħra meta kienet għadha kif faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna.
Il-qgħad ilu jonqos minn Ġunju tas-sena l-oħra, wara li kienet laqtitna l-imxija u issa jinsab kważi fl-istess livell ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan ifisser li għall-ħdax-il xahar konsekuttiv naqas il-qgħad.
Filwaqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien ta’ 4,409, sar-raba’ xahar ta’ din is-sena n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas bin-nofs.
Fuq twitter il-Prim Ministru Robert Abela nnota t-tnaqqis qawwi fil-qgħad f’pajjiżna.
Qal li l-qgħad f’April ma kienx biss inqas minn April tas-sena l-oħra iżda wkoll inqas minn terz inqas minn dawk jirreġistraw għax-xogħol f’Marzu tal-2013.
Qal li l-politika tal-Gvern qed tagħmel differenza vera f’ħajjet in-nies.