F’Mejju li għadda, in-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad kompla jonqos għal 2,502, li huwa l-inqas ammont ta’ nies jirreġistraw mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fis-snin sittin. Imqabbel ma’ sena ilu l-qgħad naqas b’1,009 persuni, filwaqt li meta mqabbel ma’ Marzu 2013 in-numru ta’ nies jirreġistraw huwa ta’ 4,848 inqas.
Dan ifisser li issa n-numru ta’ dawk jirreġistraw hu kważi terz dak li kien mal-bidla fil-Gvern.
Mill-2013, bħala medja, kull jumejn sitt persuni li kienu qiegħda sabu xogħol. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, bħala medja kull jumejn persuna aktar kienet tispiċċa tirreġistra.
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad f’Malta u f’Għawdex qed jinħass l-aktar fost iż-żgħażagħ. F’din l-etá kien hemm tnaqqis ta’ 938 persuna qiegħda mill-bidla fl-amministrazzjoni. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ – dik li l-Oppożizzjoni ssejjaħ il-garanzija tal-washing machine – sa issa naqset in-numru ta’ żgħażagħ jirreġistraw b’75%.
Mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hemm tnaqqis ta’ 1,815-il persuna f’dawk qiegħda ta’ età ta’ 45 sena jew aktar, kategorija ta’ nies qiegħda meqjusa fost l-aktar eskluża mis-suq tax-xogħol. Dan ifisser li, għal kull għaxar persuni ta’ 45 u aktar li kienu qiegħda fl-2013, illum hemm erbgħa.
Kategoriji meqjusin f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,652 mill-bidla fil-Gvern. Dan kien frott miżuri biex dawk l-iktar esklużi mis-suq tax-xogħol jingħataw opportunitajiet ġodda biex itejbu l-livell ta’ għejxien tagħhom u jintegraw mill-ġdid.
Suċċess ieħor li nkiseb kien fost il-persuni b’diżabilità bla impjieg. F’Mejju dawn kienu naqsu għal 283 minn 564 fil-bidu tal-leġislatura li għaddiet. Dan it-tnaqqis ta’ nofs seħħ grazzi għall-miżuri ta’ inklużjoni u l-infurzar ta’ liġijiet favur persuni b’diżabilità.
In-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 452 f’Mejju li għadda minn 742 fil-bidu tal-2013 (-39%).
Qabel il-bidla fil-Gvern, 7,350 persuna f’pajjiżna kienu bla xogħol, żieda ta’ kwazi elf persuna f’ħames snin. Il-fatt li pajjiżna sa issa ra n-numru ta’ dawk jirreġistraw jaqa’ għal terz dak li kien fil-bidu tal-leġislatura li għaddiet huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija fejn il-ġid qed dejjem jasal għand aktar nies, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.