In-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol reġa’ naqas f’Jannar u n-numru ta’ persuni qiegħda kien ta’ ftit aktar minn elf ruħ.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li mqabbel mal-istess xahar ta’ sena qabel, il-qgħad naqas bi kważi elf u sitt mitt persuna.
Fil-fatt in-numru ta’ persuni jfittxu xogħol fl-ewwel xahar ta’ din is-sena kien ta’ elf mija u sbatax.
Meta mqabbel ma’ xahar qabel, il-qgħad ukoll naqas b’ħamsin persuna.
Intant fl-istess jum ħareġ aġġornament ekonomiku mill-Bank Ċentrali ta’ Malta għax-xahar ta’ Jannar.
Il-Bank Ċentrali għamel referenza għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jgħid li l-ekonomija Maltija hija l-aktar waħda li se tikber din is-sena fost l-istati membri kollha.
Il-Bank Ċentrali qal li r-rapport tal-esperti tal-Kummissjoni Ewropea juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta żdied fl-ewwel xahar ta’ din is-sena.
Il-Bank Ċentrali nnota wkoll li s-self lil kumpaniji soġġett għal moratorju baqa’ limitat ħafna fl-aħħar tas-sena li għaddiet.
Intqal li fost oħrajn dan jirrifletti rkupru fid-dħul tan-negozji.