Fix-xahar ta’ Lulju, il-qgħad f’pajjiżna reġa’ niżel għal 925 persuna. L-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Ikkonfermaw dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO hekk kif juru li meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, il-persuni jirreġistraw f’pajjiżna naqsu b’617.
Fil-fatt, skond informazzjoni minn Jobs Plus, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, osserva kif il-qgħad naqas f’kull faxxa tal-età u anke fost l-irġiel u n-nisa.
L-irġiel ammontaw għal 71.8% tal-persuni li rreġistraw għax-xogħol f’dan il-perjodu filwaqt li n-nisa ammontaw għal 28.2%.
L-NSO jinnota wkoll kif kien hemm tnaqqis meta mqabbel ma’ Lulju tal-2021, f’dawk il-persuni li ilhom jirreġistraw għal inqas min 21 ġimgħa, hekk kif it-tnaqqis kien ta’ 153. F’dawk li kienu ilhom jirreġistraw bejn 21 u 52 ġimgħa, it-tnaqqis kien ta’ 161.
Madankollu, l-akbar tnaqqis ġie rreġistrat f’dawk il-persuni li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena. Hawn it-tnaqqis kien ta’ 303 persuni.
Intant f’Lulju tal-2022, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol naqsu bi 33 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021. Minn dawn 77.3% li rreġistraw tul dan il-perjodu kienu rġiel u 22.7% kienu nisa.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota b’sodisfazzjon dan it-tragward storiku. Tenna li l-politika progressiva ta’ dan il-Gvern qed tkompli tħalli differenza pożittiva f’dak li l-aktar jgħodd.