Il-miżuri ekonomiċi introdotti mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur irċevew ċertifikat pożittiv ieħor hekk kif għall-ħames xahar konsekuttiv, għall-kuntrarju ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, il-qgħad f’pajjiżna baqa’ wieħed stabbli. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol innota kif skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ir-rapport juri kif ir-rata ta’ nies qiegħda fix-xahar ta’ Ottubru 2020 baqgħet f’livell baxx.
Huwa fakkar li din ir-rata kienet taħt l-4%, li hija fost l-inqas rati ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol qal li r-rata hija wkoll ferm anqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea, dik ta’ 7.5% u dik taż-Żona Ewro b’rata ta’ 8.3%.
Dan filwaqt li f’diversi pajjiżi madwar id-dinja l-qgħad qed ikompli tiela’ ’l fuq, pajjiżna rnexxielu jkun fost l-aqwa pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-preservazzjoni tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol.
Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol tenna li l-miżuri li daħħal il-Gvern fix-xhur li għaddew bħall-‘COVID-19 Wage Supplement’, id-differiment tal-ħlas tat-taxxi, ir-rifużjoni tal-kontijiet tal-elettriku, u l-grant għal spejjeż tal-kera, fost oħrajn, kienu strumentali sabiex jissalvagwardjaw l-impjiegi u jipproteġu d-dħul minnhom.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-miżuri li l-Gvern daħħal f’dawn l-aħħar xhur qed jaħdmu u qed iżommu lin-nies fl-impjiegi tagħhom. In-negozji jafu li l-Gvern kommess li jissalvagwardja xogħolhom u x-xogħol tal-ħaddiema tagħhom.