F’Malta, il-qgħad fost iż-żgħażagħ li għandhom sa 25 sena huwa fost l-inqas fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif skont ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat ħareġ li Malta għandha t-tieni l-inqas qgħad fost iż-żgħażagħ minn fost l-istat membri kollha.
Hawnhekk pajjiżna għandu rata ta’ ftit iżjed minn tmienja fil-mija.
Ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ f’Malta hija ferm inqas mill-medja tar-rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea; b’din ir-rata f’Lulju li għadda kienet kważi erbatax fil-mija. Dan ifisser differenza ta’ kważi sitta fil-mija.
Bl-inqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea hemm il-Ġermanja u wara hemm Malta. Isegwu lil Malta hemm il-Litwanja u l-Olanda.
Dan filwaqt li l-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ huma l-Greċja u Spanja, b’dan il-pajjiż tal-aħħar għandu rata ta’ sebgħa u għoxrin fil-mija.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat ħareġ ukoll li pajjiżna kellu nuqqas sinifikanti f’dawn ir-rati. Dan hekk kif f’Ġunju, din ir-rata kienet ta’ tmienja punt tmienja fil-mija (8.8%), waqt li xahar wara din niżlet għal tmienja punt wieħed fil-mija (8.1%).
Dan ifisser li f’xahar, il-qgħad fost iż-żgħażagħ nieżel b’0.7%.
Dawn iċ-ċifri jingħaqdu ma’ dawk li ħarġu aktar kmieni din il-ġimgħa, fejn Malta għat-tieni xahar konsekuttiv għandha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.