Il-lista ta’ persuni b’diżabilita’ qiegħda naqset kważi bin-nofs hekk kif bħalissa hemm madwar tlett mitt persuna jirreġistraw- dan ifisser li hemm aktar individwi li qed jintegraw ruħhom fid-dinja tax-xogħol.
Għall-kuntrarju tas-snin ta’ qabel, fejn ta’ kull sena kien qed ikun hemm total ta’ ħamsa u għoxrin persuna b’diżabilita li jirnexxilha ssib impjieg… illum il-ġurnata f’temp ta’ sena qed ikun hemm medja ta’ 300 individwu b’diżabilita’ li qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Iċ-Chairman tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita Oliver Scicluna saħaq li bħalissa l-Kummissjoni qegħda tikkontribwixxi billi tħarreġ lis-sidien tan-negozji dwar kif għandhom jadattaw għall-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni.
Is-Sur Scicluna kompla jgħid li minkejja ż-żieda fl-opportunitajiet, għad hemm min qed isib diffikulta biex jidħol fid-dinja tax-xogħol għax l-impjieg offrut ma jkunx skont l-abbilitajiet tiegħu. Appella biex il-job matching isir tajjeb għax qal li dan jista’ jtellef il-fiduċja tal-persuna fiha nnifisha.
Christine Mifsud, mara ta’ tmienja u tlettin sena li ilha nieqsa mid-dawl għal dawn l-aħħar tmintax-il sena, ilha sitt xhur li daħlet taħdem mal-Kummissjoni u sostniet li x-xogħol jagħtik id-dinjità. Qalet li x-xogħol jistimolak, itik ambizzjoni u jagħmlek prodottiv.
Fost il-benefiċċji li l-persuni b’diżabilità jingħataw biex jidħlu fid-dinja tax-xogħl hemm għajnuna finanzjarja li tinkludi benefiċċju ta’ erba mitt ewro fix-xahar. Apparti minn hekk, il-Gvern qiegħed jgħin lill-ħaddiema li għandhom xi forma ta’ diżabilita’ sabiex apparti milli jirċievu l-paga jingħataw ukoll il-benefiċċju soċjali.