Ir-rata tal-qgħad f’Malta x-xahar li għadda kienet bejn wieħed u ieħor in-nofs tar-rata tal-Unjoni Ewropea u ferm inqas minn nofs ir-rata fiż-Żona tal-Ewro.
Statistika ppubblikata llum mill-Uffiċċju tal-istatistika tal-UE, l-Eurostat, turi li filwaqt li r-rata tal-qgħad fl-UE f’Mejju 2022 kienet 6.1 fil-mija u dik fiż-Żona tal-Ewro kienet ta’ 6.6 fil-mija, ir-rata f’Malta kienet 3.1 fil-mija.
Ir-rata tal-qgħad f’Malta f’Mejju baqgħet stabbli meta mqabbla max-xahar ta’ qabel, u hija inqas mir-rati rreġistrati f’Jannar, Frar, u Marzu ta’ din is-sena.
Anki fejn jidħol il-qgħad fost dawk ta’ taħt il-25 sena, ir-rata ta’ Malta x-xahar li għadda kienet inqas min-nofs ta’ dik tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, filwaqt li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ f’Malta f’Mejju 2022 kienet 6.4 fil-mija, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea fl-istess xahar kienet 13.3 fil-mija filwaqt li dik taż-Żona tal-Ewro kienet 13.1 fil-mija.
L-istatistika tal-Eurostat turi li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ f’Malta din is-sena naqset b’mod konsistenti xahar wara xahar.