Statisika ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda, il-persuni fuq il-kotba tal-qgħad naqsu b’7% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.
Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Diċembru n-nies fuq il-kotba tal-qgħad kien anqas minn 1,700 ruħ.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li f’Diċembru li għadda, il-persuni qiegħda naqsu b’123 minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tal-qgħad fuq Diċembru tal-2018.
Il-qgħad naqas fil-kategorija kollha għajr għal dawk li għandhom 24 sena jew anqas.
L-NSO żied jgħid li l-akbar tnaqqis kien irreġistrat fost il-persuni li kienu ilhom aktar minn sena jfittxu li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Il-qgħad naqas ukoll fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal inqas minn 21 ġimgħa u dawk li kienu ilhom aktar minn sena jfittxu impjieg.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda kien hemm 226 persuni b’diżabilità jfittxu impjieg, persuna waħda aktar meta mqabbel ma’ Diċembru tal-2018.
L-aktar impjiegi mfittxija minn dawk fuq il-kotba tal-qgħad kienu għal impjiegi klerikali u support workers bi kważi 20% u 40% rispettivament.