“Il-qbid ta’ karozzi misruqa fil-Port Ħieles qed ikompli jtejjeb ir-reputazzjoni tal-Port Malti mal-kumplament tad-dinja.” Hekk stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation meta kkummenta ma’ ONE News dwar il-qbid ta’ vetturi misruqa mill-Kanada u li kienu fi triqithom lejn Abu Dhabi.
David Magro qal, “Nista ngħid li d-Dwana hawnhekk qed tagħti kredibbilità flimkien magħna fuq l-isem tal-Freeport ta’ Malta li huwa mħares bħala wieħed minn dawk il-portijiet għal dik li hija kredibbiltà fejn għandha x’taqsam din l-attività.”
L-apparat tal-iskennjar kien t’għajnuna kbira biex l-uffiċjali tad-Dwana setgħu jagħmlu din is-sejba. Id-dokumenti dwar il-kontejners li fihom instabu l-vetturi ma qablux ma’ dak li effettivament kien hemm fihom.
Magro spjega kif dan hu frott ħidma tajba mid-Dwana b’kollaborazzjoni tajba mal-korporazzjoni: “Hija kollaborazzjoni kontinwament għaddejja magħna u mad-Dwana. Meta jkun hemm suspett ta’ dawn l-affarijiet ovjament iż-żewġ naħat, kemm Dwana u kemm aħna,nikkolaboraw mal-pulizija għax ovvjament imbagħad ikun hemm l-inkjesti.”