Ix-xogħlijiet fl-iskola tal-Qawra jinsabu fl-aħħar fażi tagħhom u ser tkun tista’ topera f’din l-istess sena skolastika.
Dan il-proġett b’investiment ta’ 12-il miljun ewro huwa parti minn ħolqa ta’ proġetti tal-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada u li ser qed ikun jikkumplmenta l-iskola primarja eżistenti fil-Qawra.
Ħabbar dan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hekk kif spjega li x-xogħlijiet kellhom jieqfu minħabba inċident. Fil-fatt il-Qorti ħareġ digriet biex jieqfu x-xogħlijiet sakemm isiru l-investigazzjonijiet u verifiki neċessarji.
Fl-istess stqarrija il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li apparti din l-iskola ġdida ġewwa l-Qawra jinsab għaddej xogħol bi proġetti kapitali ta’ investiment sostanzjali fl-iskejjel taż-Żejtun, Marsaxlokk, San Ġiljan, Ħamrun, Blata l-Bajda, Marsa, Żebbug u f’numru ta’ lokalitajiet f’Għawdex.
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo żar il-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn hemmekk qed jinbena pont li ser jgħaqqad żewġ binjiet tal-kulleġġ
Dwar dan il-proġett ONE News tkellem mal-Kap tal-Iskola Dorianne Portanier Mifsud hekk kif spjegat kif il-ħajja tal-edukaturi u tal-istudenti se tkun iżjed faċli b’din l-istruttura l-ġdida.
Portanier Mifsud stqarret li “L-iskop aħħari tiegħu huwa li jkun hemm inqas telf ta’ ħin kemm għall-istudenti u kemm għall-għalliema bejn lezzjoni u oħra. Għax hekk jiffrankaw il-hassle li joqgħodu jimxu ma’ block jinżlu, jerġgħu jitilgħu. Hekk għallinqas ikunu jistgħu jibqgħu għaddejin minn naħa għall-oħra.”
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bartolo awgura l-istudenti kollha sena skolastika mill-iktar produttiva u appella sabiex kulħadd iġib ir-rispett lejn il-professjoni tal-edukaturi.
Il-Ministru Bartolo sostna li “Jistudjaw bis-serjetà, jirrispettaw ħafna lill-edukaturi. Appell ukoll lill-ġenituri biex jirrispettaw lill-edukaturi. L-aqwa edukazzjoni dejjem hi fejn naħdmu flimkien studenti edukaturi ġenituri, is-soċjeta kollha kemm hi.”
Matul din is-sena saru wkoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’diversi skejjel tal-Istat li jinkludi investiment ta’ 5,210 mwejjed, 7,810 siggijiet ġodda u kważi 11,000 locker ġdid filwaqt li ġew mbajda mat-23,000 metru ta’ kuruturi u 636 klassi.