Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Brian Vella dwar rapporti ta’ trattament inuman fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Bħalissa Vella qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li kien instab ħati li qatel żewġ anzjani waqt serqa f’Santa Luċija fi Frar ta’ 11-il sena ilu.
Fid-digriet tagħha, Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba ta’ Vella li kien allega li kien xhud ta’ delitt li baqa’ mistur. Il-Maġistrat iddeskriviet l-akkuża fil-konfront tal-ħabs bħala vaga. Il-Qorti nnutat ukoll li Vella naqas milli jindika min kienu l-uffiċjali korrettivi li allegatament wettqu dan ir-reat. Il-Maġistrat innutat ukoll li Vella ma semma l-ebda priġunier ieħor li kellu miegħu fiċ-ċella bħala xhud ta’ dan il-każ. Fuq l-akkuża ta’ trattament inuman il-Qorti semgħet kif Vella kien itteħidlu l-permess li jaħdem hekk kif kien daħal fis-sakra mill-prison leave.
Hawnhekk il-Qorti saħansitra rrimarkat li sabiex il-Faċilità Korrettiva taqdi d-dmirijiet tagħha, id-Direttur tal-ħabs huwa obbligat li japplika r-regolamenti korrettivi neċessarji.