Il-komunikazzjoni online tat-terrorist ta’ Westminster issa hija ċ-ċentru tal-investigazzjni, b’rabta mal-attakk terroristiku li seħħ nhar l-Erbgħa.
Aktarx li t-terrorist Khalid Massood kien qed jaġixxi fuq istruzzjonijiet ta’ ħaddieħor. Kien għadu attiv fuq WhatsApp fis-14:37 nhar l-Erbgħa, madwar żewġ minuti qabel baqa’ dieħel fuq in-nies u wettaq atroċitajiet.
Issa hemm tfitxxija intensiva għal min jista’ jkun kien qed jikkomunika miegħu. Fost l-ipoteżi hemm li t-terrorist ta’ 52 sena kien qed jirċievi pariri minn xi ħadd ikbar minnu, jew inkella kien qed ifittex xi awtorità reliġjuża, jew forsi jsellem għall-aħħar darba dawk li kienu qed jikkordinaw miegħu.
Investigaturi mhux se jkunu jistgħu jaċċessaw il-messaġġi, sakemm ma’ jingħatawx aċċess għall-mobile tiegħu, minħabba li WhatsApp jaħdem b’dak li jissejjaħ encrypting.