Is-sena li għaddiet, il-Kurja ssospendiet lil Dun Ġużepp Sultana u lil Dun Ġużepp Cini milli jwettqu s-servizz tal-quddiesa.
Din is-sospensjoni waslet sena ilu wara investigazzjoni mis-Safeguarding Commission tal-Knisja.
Bħalissa, iż-żewġ qassisin mix-Xagħra qed jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti ta’ Għawdex akkużati b’abbuż u stupru fuq abbati minorenni.
Kelliem għad-Djoċesi ta’ Għawdex spjega kif iż-żewġ qassisin ġew sospiżi mal-mument li l-istess Djoċesi rċeviet ir-rakkomandazzjoni mis-Safeguarding Commission li hija nkarigata biex tinvestiga tali każijiet.
Il-kelliem ma spjegax f’aktar dettall meta l-qassisin ġew sospiżi u meta d-djoċesi rċeviet ir-rakkomandazzjoni għas-sospensjoni. Huwa sostna li la issa l-każ qed jinstema’ quddiem il-Qorti, il-Kurja issa hija prekluża milli tipprovdi aktar informazzjoni fuq dan il-każ.
Iż-żewġ qassisin tressqu quddiem il-Maġistrat Monica Vella l-Erbgħa li għadda.
Sultana qed jiġi akkużat li bejn l-2003 u l-2005 abbuża sesswalment minn abbati li dak iż-żmien kellu bejn it-tmien u disa’ snin. Min-naħa l-oħra l-Pulizija akkużat lil Cini li fl-istess perjodu kkommetta stupru fuq l-istess abbati.
Fix-xhieda tiegħu il-vittma permezz ta’ videoconferencing spjega kif Sultana allegatament kien idaħħlu għal żewġ minuti f’konfessjonarju tal-qrar liebes ta’ abbati fis-sagristija u hemmhekk, filwaqt li l-qassis kien ipoġġi bilqiegħda, jgħidlu biex joqgħod quddiemu.
Fost affarijiet oħra l-vittma qal kif is-saċerdot kien jheddu li jekk jikxef mal-ġenituri, se jmur l-infern. Intqal li l-allegat abbuż seħħ ukoll fil-kamra tal-Arċipriet.
Dwar Dun Ġużepp Cini l-vittma xehed li kien jieħdu fil-kampanja, fid-dawl tax-xemx bil-karozza. Hawnhekk kien jaqbadlu idu u jpoġġiha fuq il-parti privata tiegħu. Wara kull allegat abbuż is-saċerdot kien itih il-flus.
Irrakkonta kif f’att minnhom Cini sforza ruħu fuqu u l-vittma beda jgħajjat u jibki bl-uġigħ.