Għandu 83 sena u ħidmietu żżommu fil-qalba ta’ Paceville, il-mekka tad-divertiment. Għex ħajtu man-nies, grazzi għall-futbol u l-missjoni edukattiva u soċjali tiegħu, u sal-lum għadu jħoss il-polz tas-soċjetà. Fil-ġimgħa tal-Milied kien proprju dwar dan l-iktar li xtaqna nitkellmu mal-Patri Agostinjan Hilary Tagliaferro.
L-iktar proġett importanti li għandek f’idejk huwa l-Millenium Chapel. X’inhu x-xogħol li qed isir hemm?
Bażikament, aħna ridna nimmiraw lejn il-bniedem b’mod ħolistiku. Nemmen li Paceville huwa post li għandu t-tajjeb tiegħu, għaliex il-bniedem għandu bżonn li jiddeverti. Madankollu, l-iskop tal-kappella kien li f’nofs dan l-istorbju u d-divertiment kollu, aħna noffru post ta’ silenzju u trankwillità sabiex dak li jkun jista’ jirrifletti u jingħaqad m’Alla. Ta’ min isemmi li għandna żewġ ġemmellaġġi, li huma mas-soritijiet tal-Klawsura ta’ Birkirkara, għaliex fatt interessanti huwa li tliet sorijiet minnhom kienu jiġu Paceville biex jiddevertu u mbagħad jgħaddu l-Millenium Chapel, u jħossu li l-vokazzjoni tagħhom kienet grazzi għall-kappella, filwaqt li anke mal-YFA. Naħdmu ħafna għaż-żgħażagħ u nagħtu kas il-ġisem tal-bniedem.
Għandna wkoll siġra li permezz tagħha nfakkru dawk iż-żgħażagħ li jkunu tilfu ħajjithom b’mod traġiku. Barra minn dan is-simboliżmu, għandna wkoll 13-il counsellor professjonali li jaħdmu maż-żgħażagħ li jkollhom xi problemi ta’ vizzji jew affarijiet oħrajn konċernati mal-ħajja ta’ kuljum. Insemmi wkoll skrin li għandna barra l-kappella, fejn minflok juri reklami, juri messaġġi tagħna, li huma messaġġi ta’ kuraġġ, motivazzjoni u anke mħabba.
Kemm taħseb li hi kbira l-problema tad-droga f’Malta?
Il-problema tad-droga f’Malta hija kbira u qiegħda tikber u qiegħda iżjed tinħeba. Qabel, l-eroina kienet popolari u dik mal-ewwel tħalli effett fiżiku u viżibbli fuq l-individwi mentri llum, bl-introduzzjoni tal-kokaina li saret affordabbli, l-effett jinħeba allura ma nkunux nafu jekk ikunux taħt l-effett jew le. Ħafna miljunari li jiġġeneraw il-flus permezz tagħha, saru jiftħu restoranti u affarijiet oħra mingħajr ma ħadd isaqsi minn fejn ikunu ġejjin il-flus. Ħafna flus ifisser qerda ta’ individwi, ta’ familji u anke tas-socjetà, u ili 20 sena ngħid li d-droga hija l-kanċer tas-soċjetà Maltija. Minn hawn, infaħħar lill-pulizija li jagħmlu li jistgħu, iżda hija ħasra li pereżempju l-barunijiet qatt ma jinqabdu.
Temmen li jeżisti il-faqar f’Malta, u jekk iva, dan kemm hu kbir?
Il-faqar jeżisti f’Malta, u iżjed milli qiegħed jikber il-faqar, qiegħda tiżdied id-diskrepanza bejn is-sinjur u l-fqir, minkejja li l-ekonomija saret tajba u nieħu gost ngħid dan. Madankollu, in-nies li jgħixu fil-faqar żdiedu llum. Huwa pereżempju diffiċli għal nies foqra li jgħixu b’introjtu ta’ €400 fix-xahar, meta mbagħad ikollhom bżonn mediċini għal xi kuri importanti li jkunu jiswew €500, jew anke jkunu naqsu milli jħallsu l-kontijiet u issa qegħdin iħallsuhom b’lura bil-mod. Nemmen ukoll li n-nuqqas ta’ edukazzjoni huwa faqar ukoll, għaliex meta bniedem ma jkunx edukat, jonqos milli jagħmel prijorità fil-ħajja, kemm bħala affarijiet u anke finanzjarjament. Aħna bħala Knisja għandna naħdmu ħafna għaliex nemmen li r-reliġjożità li hawn bħalissa hija xi ftit artifiċjali.
Taħseb li l-Knisja f’Malta hija maqtugħa mill-poplu?
Ma naħsibx li hija maqtugħa daqskemm kienet qabel imma xorta hemm bżonn iżjed ħidma sabiex jintlaħaq iżjed il-poplu. Naħseb illum, is-saċerdoti żgħażagħ qegħdin jagħtu iżjed kas l-affarijiet interni tal-knisja u mhux jirrealizzaw in-neċessatijiet ta’ barra, u fl-istess ħin jiddevjaw mill-eżempju tal-Papa Franġisku. Barra minn hekk, l-attendenzi tal-knisja ma tantx jinkwetawni, avolja hija forsi l-unika statistika li nistgħu niġbru għal dan il-kunċett. Huwa iżjed importanti n-nies xi jħossu ġo fihom.
Ftit taż-żmien ilu, twaqqfet fil-Millenium Chapel, komunità għall-ġenituri li tilfu lil uliedhom permezz tat-traġedji. Agħtina iktar dettali rigward din il-komunità.
Ilna naħdmu magħhom tul dan l-aħħar għaxar snin mill-inqas. Kollox beda meta sfortunatament, familja tilfet lit-tifel tagħha u ngħaqdu madwar tmien familji biex jikkomemorawh. Issa, qegħdin madwar 200 persuna, jiġifieri qegħdin nikbru. Fl-oratorju ta’ Ħal Tarxien tista’ tgħid li kull filgħaxija jkun hawn grupp li jissapportjaw lil xulxin minħabba xi vizzju partikolari. Nixtieq insemmi wkoll, proġett ġdid li qegħdin naħdmu fuqu, u jalla li sas-sajf li ġej ikun lest. Dan jikkonsisti fi ġnien ta’ meditazzjoni, ispirat minn ktieb ta’ Peter Calamatta, fejn jitkellem dwar pjanti li jissemmew fil-Bibbja u li jeżistu f’Malta u bażikament ħa nkunu qed noħolqu dak ix-xenarju grazzi għall-perit Richard England u l-assistent tiegħu Duncan Polidano. Nista’ ngħid, li din hija l-aħħar ħolma li fadalli f’ħajti.
Kif tara t-tranżizzjoni ta’ bejn l-E.T. Arċisqof Emeriti Monsinjur Pawlu Cremona għal dik tal-E.T. Arċisqof preżenti Monsinjur Charles Scicluna? Jista’ jkun li forsi dan tal-aħħar jidher iżjed fuq il-midja?
Li jidher u jitkellem, ma fiha xejn ħażin. Forsi ma naqbilx li għandu jitkellem fuq kollox għax ikun hemm xi affarijiet irrelevanti iżda nemmen li għandu dritt jitkellem. Wara kollox, ma jfissirx li għax jitkellem hu, allura bilfors irid isir hekk.
Taqbel li s-saċedorti għandhom jiżżewġu?
Iva, naqbel li s-saċerdoti għandhom jiżżewġu u din ili ngħidha 60 sena, bażikament kemm ili fis-saċerdozju. Nemmen li Alla tana l-libertà, anke jekk qabel ma wieħed jagħżel din il-vokazzjoni, ikollu l-libertà tal-għażla, iżda xorta nemmen li jistgħu. Barra minn hekk, il-livell tas-sesswalità jrid jikber jekk inħallu li s-saċerdozju jfisser ċelibat, ħalli l-valur tal-familja ma jaqax. Ovvjament, ma rridx inwaqqa’ l-livell taċ-ċelibat għaliex huwa valur sabiħ u importanti.
Ma’ Fr Hilary ma tonqsox mistoqsija dwar il-futbol. Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Qatt ma bdiet, għaliex minn dejjem kienet hemm. Ċerti passjonijiet titwieled bihom filwaqt li oħrajn trawwimhom maż-żmien. Jista’ jkun għaliex kelli lil nannuwi li kien jilgħab ma’ Bormla u kien iħobb ħafna l-logħba. Min-naħa l-oħra, missieri kien isegwi iżda ma kienx iħobbu ħafna filwaqt li kelli lil ħija wkoll li kien jilgħab.
Kif amalgamajt il-vokazzjoni ta’ patri mal-imħabba tiegħek għall-futbol?
Kienet ħaġa li għamilt bil-mod, għaliex jien dħalt patri mill-bidu u nħoss li l-Mulej riedni namalgama ż-żewġ affarijiet. Meta kont għadni novizz, ma kellix permess li nilgħab jew insegwi l-futbol, iżda l-Mulej ried li s-superjuri tiegħi jibagħtuni nistudja ġewwa Ruma, fejn hemmhekk infetħu l-bibien għal-logħba tal-futbol. Hemmhekk studjajt ġewwa l-Kulleġġ Agostinjan ta’ Santa Monika u anke fl-Università Gregorjana. F’dan il-waqt, kont bdejt nilgħab il-futbol iżda kont weġġajt il-cruciate kmieni, u għall-kuntrarju tal-lum, dak iż-żmien ma kienx hemm fejqan għaliha u allura bqajt inbati biha għomri sħiħ. Meta kont inħoss li fiqt xi ftit, kont nerġa’ nilgħab. Fis-sena 1958, meta kont ordnat saċerdot, ġejt Malta biex nibda xogħli ġewwa l-Belt Valletta u Ħal Tarxien. Nemmen li l-futbol laqqagħni ma’ ħafna nies u ħassejt li ma kontx qed nagħmel xi ħaġa ta’ barra minn hawn, għaliex il-futbol għandu affarijiet simili tal-Vanġelu, bħalma huma r-rispett lejn l-awtorità, rispett lejn il-persuni, valuri ta’ rebħ u telf u wara kollox, il-futbol kien mezz biex inressaq lin-nies lejn Alla – bażikament dan kien il-mission statement tiegħi.
Kont tiġi kkritikat għall-fatt li kont patri u kowċ?
Ħafna u kont naċċettaha iżda, għaliex ma kinitx ħaġa normali. Iżda l-passjoni li kelli kienet saret parti minni u minkejja dan, l-Arċisqof Emeritu, l-E.T. Mikiel Gonzi u min kien jaħdem madwari, ħadd qatt ma ġibidli l-attenzjoni minnhom.
Taqbel mar-regola li kull tim sa mill-istaġun li ġej jista’ jkun li jutilizza 11-il player barrani fil-ground?
Le, għaliex twaqqaf l-iżvilupp tal-plejer Malti u ma naqbilx li kull barrani li jiġi Malta, huwa aħjar mill-plejer Malti u l-barrani dejjem jidher aħjar, għaliex dejjem jilgħab hu mentri l-Malti ma jilgħabx. Illum il-ġurnata, il-futbol sar flus u fejn hemm il-gwadann, dik tiġi prijorità u l-futbol jiġi żvantaġġjat.
U l-fatt li jkun hemm 14-il tim fil-Premier?
Lanqas ma’ dik ma naqbel, għaliex dik tagħti lok kbir għall-korruzzjoni. Pereżempju, tim li jkun diġà salva, jista’ joqgħod f’nofs klassifika u jagħmel li jrid hu, mentri jekk ikun hemm inqas timijiet, ħa jkun hemm inqas logħob iżda iżjed kompetizzjoni. Però, hija opinjoni tiegħi u jiddependi kif tħares lejn il-futbol. Jekk tħares mil-lenti ta’ flus, allura tajjeb, iżda jekk tħares mil-lenti ta’ kwalità, huwa inqas tajjeb. Naqbel li pereżempju jiġu plejers barranin f’Malta, għaliex jgħinu lill-plejer Malti, iżda minnhom kemm huma utli għall-klabb, pereżempju jagħtu daqqa t’id lin-nursery u kemm minnhom għandhom kuntratt professjonali. Jittrenjaw filgħaxijiet u matul il-ġurnata ma jagħmlu xejn. Minkejja li aħna qegħdin fl-Ewropa, xorta nibqgħu f’Malta u jekk ma nsirux professjonali, ir-riżultati mhux se jiġu.
Kemm tara li l-betting sar kankru li qed jeqred il-futbol mondjali fosthom f’Malta?
Hija problema kbira u li qiegħda tikber maż-żmien. Illum hawn ħafna kumdità biex isir il-betting u anke l-fatt li l-kuntratti ma jiġux rispettati dejjem, il-korruzzjoni tiġi ħaġa awtomatika. Din il-ħaġa, bażikament, qiegħda toqtol il-fiduċja fil-futbol u minkejja li n-nies għadhom isegwuh, l-attendenzi fil-grawnd qegħdin jonqsu ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?
Issa li għandi 83 sena, għadni xorta waħda nħossni b’saħħti. Infatti għadni mmur ngħum kuljum, kemm ġo pixxina kif ukoll ġol-baħar naturali. Nemmen li f’ħajti għamilt dak kollu li ridt u issa qiegħed ngħix ġurnata b’ġurnata, nirringrazzja lil Alla ta’ kull ġurnata li tisbaħ. Naħseb li l-akbar sodisfazzjon tiegħi huwa li dejjem għint lil kull individwu li talabni l-għajnuna.
Għaddi l-messaġġ finali tiegħek speċjalment lill-persuni żgħażagħ.
Ġesù darba kien qal messaġġ importanti li, “Għal Alla xejn mhu impossibli.’’ Min iżomm lil Alla f’ħajtu, jagħmel il-parti tiegħu u jibqa’ jittama, nemmen li Alla jħallih fil-libertà u jgħinu meta jkun il-waqt.