Għalkemm għal xi żmien il-Partit Nazzjonalista beda jagħti x’jifhem li l-ġerħa kienet bdiet tfiq, dak li ġara fl-aħħar jiem reġa’ kkonferma kif għal uħud din il-qasma fil-Partit għadha miftuħa beraħ.
Hekk innota l-editorjal tal-Malta Independent.
Hawnhekk l-editorjal jinnota kif huwa ċar li hemm faxxa ta’ nies li għadha tqis lil Adrian Delia bħala l-Kap leġittimu tal-Partit Nazzjonalista u li għadhom ma jqisux lil Bernard Grech bħala l-mexxej.
L-Independent tkompli tgħid kif din il-mossa lejlet l-indipendenza, fejn canvassers ta’ Adrian Delia telgħu lebsin il-flokkijiet bil-kliem ‘Team Adrian Delia’ fuqhom kienet mossa intenzjonata biex toħloq show u juru r-rabja tagħhom.
L-editorjal itemm jgħid kif il-ġlieda tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista s-sena l-oħra diġà telfithom ħafna kredibbiltà u li l-inqas ħaġa li għandu bżonn il-Partit issa huwa li jerġa’ jintilef fi ġlieda tribali interna.
Dan saħansitra meta l-istħarriġ politiku għadu juri nuqqas ta’ appoġġ kbir fil-Partit Nazzjonalista.