“Is-servizz farmaċewtiku f’Malta hu fost l-aqwa li hawn fl-Ewropa, bl-Università Maltija tinsab anke minn ta’ quddiem nett fejn tidħol l-edukazzjoni farmaċewtika.”
Iddikjara dan il-Professur Alan Lau, li ġej minn waħda mill-aqwa universitajiet u kulleġġi mediċi fl-Istati Uniti, dik ta’ Illinois f’Chicago, li bħalissa jinsab f’pajjiżna biex, flimkien mad-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta, jiċċelebra l-għaxar snin mindu beda l-programm ta’ dottorat fil-farmaċija.
“The Maltese pharmacy service is among the top in Europe. The University of Malta is at the forefront of pharmacy education in Europe. We at the University of Chicago Collage of Pharmacy we have always top rank programmes and have the most comprehensive clinical pharmaceutical programme in the US.”
Mindu f’pajjiżna beda dan il-programm fuq livell ta’ dottorat, anke b’kollaborazzjoni mal-Università Amerikana, s’issa ggradwaw aktar minn mitt student li ġejjin minn 23 pajjiż differenti, inkluż dawk Maltin.
Fl-Isptar Mater Dei tkellimna mal-Professur Lilian Azzopardi, li hi l-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta, li spjegat kif dan il-programm jiffoka fuq dik li tissejjaħ farmaċija klinika, fejn il-farmaċisti jaħdmu b’mod dirett mal-pazjenti u tobba oħrajn biex il-kura mogħtija tkun aktar effiċjenti u ta’ suċċess.
“Fl-iżviluppi, li qed isiru fil-qasam tas-saħħa f’Malta, resqin ħafna lejn dawn is-servizzi ta’ farmaċija klinika. Allura hu tajjeb li, permezz ta’ dan il-kors li qed noffru, qed ngħaqqdu dawn l-opportunitajiet ta’ farmaċija klinika fuq mudell Amerikan li hu tajjeb għall-mudell applikabbli għall-pazjenti tagħna fis-servizzi tas-saħħa f’Malta kemm fl-isptarijiet kif ukoll fl-ispiżeriji.”
Il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li kien preżenti, tenna li, permezz tar-riċerka li ġejja minn kors bħal dan, se jitjiebu s-servizzi tas-saħħa u allura anke s-saħħa tal-pazjenti inġenerali.
“L-ewwel mira li l-farmaċist għandu karriera lejn xiex iħares u dan id-dottorat se jiftaħlu mpjiegi fejn irid, imma t-tieni mira importanti li l-pazjenti tagħna se jkollhom aċċess għal farmaċija klinika.”