Il-Ħamis filgħodu, waqt li kienet qed tiġi diskussa s-sitwazzjoni tal-Coronavirus f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-qasam tas-saħħa se jara żieda ta’ sittin infermier biex jgħinu fil-kontroll tal-imxija.
Qal kif, “F’dawn il-ġranet ħriġna sejħa u issa se nkunu qed nagħmluha biex nimpjegaw mad-Dipartiment tas-Saħħa, sittin infermier ġdida biex jagħtu s-servizz lill-pazjenti tagħna. Sittin infermier li se nimpjegaw fil-ġranet li ġejjin u li jfisser se nżidu l-isforzi tagħna biex nilqgħu mhux biss għall-pazjenti morda imma għall-contact tracing u tilqim bl-għexieren ta’ eluf.”
Hawnhekk id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll żvilupp ieħor importanti b’rabta mal-proċess tat-tilqim f’pajjiżna.
Spjega, “Għanda 80 tabiba tal-komunità u privat illi qablu magħna biex meta fi ftit ġimgħat oħra niftħu s-sejħa biex it-tilqim intuh lill-poplu inġenerali. Dawn it-tobba ħa jkunu magħna għat-tilqim il-pazjenti tagħhom.”
Il-Ministru għas-Saħħa spjega kif il-Ħamis filgħodu fetaħ ċentru kbir tat-tilqim fl-MCAST, filwaqt li fil-jiem li ġejjin se jiftaħ ċentru ieħor kbir fit-teatru Aurora fir-Rabat Għawdex.
Hawnhekk huwa semma kif il-proċess ta’ tilqim f’pajjiżna mexa xahar aktar milli previst u l-popolazzjoni Maltija mistennija tilħaq immunità għolja għall-virus fl-aħħar ta’ Awwissu.
Intant, waqt id-diskussjoni fil-Parlament, għamlet intervent il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, fejn qalet li d-deċiżjoni tal-għeluq tal-iskejjel hija waħda iebsa ħafna iżda tenniet l-impenn tal-Gvern sabiex l-istudenti jibqgħu jingħataw edukazzjoni mill-aqwa u favur l-iżvilupp tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-Covid-19 Owen Bonnici, sostna kif bħala Gvern qed nagħtu l-enerġija kollha tagħna biex hekk kif meta din il-pandemija tgħaddi, pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem u jsir saħansitra aħjar minn dak li kien qabel faqqgħet il-pandemija.