Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, żar il-proġett ta’ units ta’ housing soċjali fi Triq Hanover f’Bormla.
Dan il-proġett jikkonsisti f’6 blokok, 68 appartament, 117 spazju ta’ parkeġġ, childcare centre u ċentru għall-komunità. Il-permess oriġinali tal-iżvilupp kien jipprovdi biex il-bini li kien hemm jaqa’ kollu filwaqt li jitħaffru żewġ sulari taħt l-art. Madanakollu, il-proġett preżenti se jkun qed jirrestawra l-aktar binja preservata u antika li kien hemm fuq is-sit.
Il-proġett se jintroduċi spazju miftuħ ta’ 850 metru kwadru li jinkludi pjazza ġdida għar-residenti, mhux biss tal-appartamenti iżda għall-Bormliżi kollha. Il-proġett qabad ritmu tajjeb ta’ kostruzzjoni, madanakollu għamel perjodu temporanjament wieqaf minħabba s-sensittività tas-sit. Dan hekk kif instabu bjar żgħar, arkati antiki kif ukoll żewġ ġibjuni kbar li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri. Dawn is-sejbiet ġew komunikati lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u dwarhom hemm komunikazzjoni kontinwa dwar l-andament tax-xogħol sabiex jiġi assigurat li s-sejbiet jiġu ppreservati bl-aħjar mod.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-proġett jixhed ir-ruħ soċjali ta’ dan il-gvern filwaqt li ħaseb ukoll li l-proġett jinkludi bosta faċilitajiet biex inkomplu nwettqu l-viżjoni ta’ dan il-gvern li nirriġeneraw b’mod sħiħ u nimmodernizzaw in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Roderick Galdes spjega li kull sit ta’ housing soċjali li qed jinbena mhux qed jaħseb biss fil-bżonnijiet tal-persuni ġenwinament fil-bżonn, iżda jaħseb ukoll fir-residenti tal-madwar. Xhieda ta’ dan hu dan il-proġett f’Bormla li mhux biss jinkludi childcare centre u ċentru għall-komunità iżda se joffri wkoll pjazza ġdida għall-Bormliżi kollha. Ikkonkluda billi tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq l-akbar proġetti ta’ housing soċjali f’pajjiżna.
Il-proġett ġie wkoll rikonoxxut fil-Malta Architectural & Spatial Awards għas-sena 2019 bħala l-proġett rebbieħ fil-kategorija Urban Planning Concept.