Id-diġitalizzazzjoni mhux biss qed tevolvi b’pass mgħaġġel iżda qed taffettwa lil kulħadd. L-internet sar l-iktar forma komuni utilizzata mill-popolazzjonijiet kollha, tant li m’għadux jitqies bħala kapriċċ iżda sar neċessità.
ONE News tkellem mal-Membru Parlamentari Ewropew, Josianne Cutajar, li spjegat kif fuq livell Ewropew, dan id-dritt għandu jkun aċċessibbli u rikonoxxut bħala dritt uman.
Hija qalet, “Ħdimt opinjoni, kont in-negozjatriċi għan-nom tas-Soċjalisti u l-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu relatata mal-liġi dwar l-intelliġenza artifiċjali li diġà tinsab magħna u lesta tkompli tiżdied fl-importanza tagħha, fejn sħaqt dwar l-importanza li l-bniedem irid ikun fiċ-ċentru ta’ teknoloġiji ġodda bħal dawn, ikollna regoli ċari.”
Skont id-diċennju diġitali tal-Unjoni Ewropea, li huwa ffurmat minn sett ta’ miri diġitali li sal-2030, l-Istati membri jridu jilħqu b’mod ħolistiku huwa maħsub li joħloq trasformazzjoni diġitali Ewropea bbażata fuq erba’ prinċipji fundamentali: Infrastruttura diġitali sostenibbli, trasformazzjoni diġitali għan-negozji, ħiliet innovattivi, u diġitalizzazzjoni moderna tas-servizz pubbliku.
Josianne Cutajar sostniet ukoll il-ħtieġa li, fuq bażi Ewropea, ikun hemm patt b’saħħtu li jirrikonoxxi li gżejjer żgħar bħal Malta jiġu megħjuna biex l-opportunitajiet f’qasam bħal dan jintlaħqu permezz ta’ stipulazzjonijiet xierqa.