Sabiex jimpurtaw il-ħażna neċessarja ta’ qamħ u gwież f’pajjiżna, il-Gvern se jkun qiegħed joffri lill-importaturi ta’ dawn il-prodotti li jaħżnu l-prodotti tagħhom fil-Kordin Grain Terminal.
Din l-għajnuna, se twassal biex, fix-xhur li ġejjin, Malta jkollha stabbiltà tal-provvista u tal-prezzijiet għal dan it-tip ta’ prodotti.
Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tal-impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel kawża tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li ilu għaddej mill-24 ta’ Frar, u tmur id f’id mal-iskema ta’ Sussidju Temporanju għall-Istabilizzazzjoni tal-Prezzijiet.
Dawn iż-żewġ pajjiżi huma fost l-aktar żoni importanti fid-dinja għall-provvista ta’ qmuħ u ta’ prodotti agrikoli.
Marc Vella Bonnici, li huwa Chairman tal-Malta Grain Terminal, spjega l-irwol li għandu dan il-maħżen biex ikollna garanzija ta’ dawn il-prodotti essenzjali.
Qal, “Il-Grain Terminal, flimkien mal-Gvern ċentrali, qiegħed joffri spazju lill-impurtaturi, bħal ma aħna qed naraw warajna, biex il-ħażna tal-qamħ tista’ tiġi maħżuna fil-Grain Terminal ġewwa Kordin biex aħna nżommu l-qamħ stabbli biex ikun jista’ jintuża fix-xhur li ġejjin”
Is-Sur Vella Bonnici spjega li huwa importanti ħafna li l-Gvern Malti jkompli jkun ta’ spalla biex jtaffi mill-piż tal-bdiewa u r-raħħala, kemm minħabba l-pandemija kif ukoll minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna.
Qal, “F’dawn iż-żminijiet huwa importanti ħafna li jkun hemm għajnuna min-naħa tal-Gvern biex l-impurtaturi tal-ġwież u tal-qamħ ikunu jistgħu jixtru biex jimpurtaw lejn Malta bi prezzijiet raġonevoli. Dan ovvjament ikollu impatt fuq il-klijent finali, fuq il-ħobża li aħna mdorrijin nieklu kull jum. Grazzi għal din l-għajnuna, il-Gvern qiegħed jassisti lill-importaturi biex ikompli jikkontrolla l-għoli tal-ħajja li qed naraw madwar id-dinja kollha.”