Il-qalba għal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, li se tibda topera mill-aħħar tax-xahar id-dieħel, hija waħda pożittiva u miexja ħarir. Dan intqal f’kumment ma’ ONE News mill-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, Andrew Agius Muscat.
Dan fi sfond li l-ammont ta’ bookings mal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, il-KM Malta Airlines, huma ferm pożittivi u iżjed minn dak li kien mistenni.
“Aħna kuntenti li qegħdin naraw li t-transition hija waħda seamless. Ovvjament biex ikollok tranżizzjoni minn airline għal oħra mhiex faċli, wieħed japprezza li mhux faċli, imma saru biżżejjed preparamenti u diskussjonijiet anki magħna biex b’hekk illum qegħdin ingawdu dan ir-riżultat.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA sostna li bħala assoċjazzjoni kellhom diskussjonijiet mat-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru. Huwa nnota li waqt dawn id-diskussjonijiet, l-MHRA tgħaddi l-ħsibijiet u l-proposti tagħha.
Agius Muscat semma wkoll kif din it-tranżizzjoni fil-linja nazzjonali tal-ajru qed issir fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.
“Bħalissa forsi d-dinja għaddejja minn żminijiet diffiċli ħafna u dak huwa l-vantaġġ ta’ pajjiżna, li aħna żgħar u kapaċi nkunu nistgħu nbiddlu l-istrateġiji tagħna biex naddattaw għal dak li jkun qed jiġri madwarna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA, Andrew Agius Muscat
Intant, ftit tal-jiem ilu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li sal-bidu ta’ dan ix-xahar, kien hemm medja ta’ 4,000 booking kuljum mal-linja nazzjonali tal-ajru, il-KM Malta Airlines. B’dan juri li l-prospetti turistiċi għal pajjiżna din is-sena se jkunu sbieħ bħal dawk li rreġistrajna s-sena l-oħra – is-sena rekord għal dan is-settur importanti.
Dwar din il-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida, il-Prim Ministru Robert Abela kien sostna li pajjiżna se jkollu linja nazzjonali tal-ajru aktar b’saħħitha, li tagħmel il-qligħ u li taqdi l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.
B’din se tibda topera mill-wieħed u tletin ta’ Marzu li ġej.