Il-qalba li pajjiżna għamel mill-heavy fuel oil għall-gass naturali fit-tħaddim tal-power stations ta’ pajjiżna wasslet għal tnaqqis enormi tal-kubrit u ta’ kull xorta ta’ metalli li kienu joħorġu fl-arja mill-ħruq tal-Heavy Fuel Oil.
Dan joħroġ minn statistika dettaljata ppubblikata fl-aħħar jiem mill-Eurostat li turi li f’perjodu ta’ sitt snin, il-kubrit li kien joħroġ mill-power stations tal-Marsa u Delimara naqas minn sebat elef, ħames mija u erbgħa u tmenin tunnellata fl-2012, għal ħames tunnellati biss fl-2017.
Dan ifisser li fl-aħħar snin, il-kubrit li kien joħroġ mill-power stations naqas b’aktar minn sebat elef, ħames mija u tmenin tunnellata.
Ir-rapport tal-Eurostat ikkonferma l-wegħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat li bl-għeluq tal-powerstation tal-Marsa u bil-proġett tal-power station tal-gass, il-livell tal-kubrit kien se jisparixxi kważi għalkollox.
L-istatistika tal-Eurostat turi li naqas b’mod drastiku wkoll it-trab iswed fin li kien joħroġ miċ-ċmieni tal-powerstations meta kien jinħaraq il-heavy fuel oil. Trab li l-għajn ma tarahx iżda li jagħmel ħsara kbira lis-saħħa tal-bniedem.
Fil-fatt iċ-ċifri juru li partiċelli magħrufa bħala ‘particulate matter’ naqsu minn ħames mija u sitta u ħamsin tunnellata fl-2012 għal sitta u tletin tunnellata fl-2017, jiġifieri tnaqqis drastiku ta’ ħames mija u 20 tunnellata jew 15-il darba inqas.
Miċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ li llum il-problema tat-tniġġis fl-arja f’Malta ġejja l-aktar mit-traffiku. Dan minkejja li fl-2017 ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 21 tunnellata fil-ħruġ tal-emmissjonijiet mill-karozzi meta mqabbel mal-2012.