Il-Gvern ippreżenta applikazzjoni biex razzett tat-tonn temporanju f’San Pawl il-Baħar, jinqaleb f’wieħed permanenti.
Is-sit tar-razzett tat-tonn li hu wkoll klassifikat bħala żona marittima protetta jinsab kważi 5 kilometri mill-ponta tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar u erba’ kilometri u nofs mill-Irdum tal-Madonna fil-Mellieħa.
Applikazzjoni preċedenti kienet se tara li dan is-sit jiġi propost li jitbiegħed aktar lejn it-Tramuntana biex b’hekk jitwaqqaf ftit inqas minn ħames kilometri ’l bogħod mill-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, proprju viċin Ras il-Qala.
Fil-fatt, il-Kunsill Lokali tal-Qala kien tenna r-riservi tiegħu għal din l-applikazzjoni hekk kif f’rapport tekniku mħejji mill-Professur Alan Deidun kien intqal kif dan ir-razzett tat-tonn kien se jwassal biex skart u żejt mill-istess razzett seta’ jasal fil-kosta Għawdxija fi ftit ħin.
Minkejja dan l-ERA kienet ikkonkludiet li l-applikazzjoni proposta kien se jkollha biss impatt minimu.
Madankollu, wara l-oġġezzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Qala, l-applikazzjoni għal dan ir-razzett tat-tonn twaqqgħet.
B’reazzjoni għal dan, is-Sindku Laburista tal-Qala, Paul Buttigieg, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni importanti.
Ma’ ONE News tenna li, li kieku din l-applikazzjoni ma tneħħitx kienet se tkun ta’ detriment għal dawk kollha li jgawdu l-bajjiet tal-Qala, partikolarment dik ta’ Ħondoq ir-Rummien.
“Bi pjaċir nilqgħu din id-deċiżjoni, għax ifisser ħafna għalina l-poplu tal-Qala u kull min jiffrekwenta l-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien. Dan kien se jkun ta’ detriment qawwi ħafna għal outflow li joħroġ mill-fish farms. Iż-żjut u affarjiet bħal dawn. Biss biss kien se joħroġ ċertu ammont li kien se jkun ta’ theddida li kien se jilħaq il-Bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fi żmien sbatax-il siegħa. Dan skont l-istudji li għamlilna l-Professur Alan Deidun.”
Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg