Bosta huma dawk li f’din il-Ġimgħa jagħżlu li jgawdu qagħqa tal-appostli moħmija bil-lewż u l-ġunġlien.
Dawn il-qagħaq tal-appostli huma popolari ħafna u għalhekk ma setax jonqos li f’jum Ħamis ix-Xirka l-fran tal-ħobż ikunu għaddejjin b’ħidma sabiex jaħmu dan il-ħobż imfittex f’dan il-jiem.
Ma’ sbieħ il-Ħamis filgħodu, crew ta’ dan l-istazzjon żar furnar li spjega magħna kif isir dan il-qagħaq popolari.
Vella qal, ‘Ir-riċetta tagħha hija, żomm riċetta sempliċi. Dawn huma ftit marġerina, zokkor, melħ u ħmira . Ngħaqqdu kollox flimkien u nżidu ftit għaġina li tkun xi ftit antika biex tagħti togħma. Imbagħad jistrieħu ftit u jgħaddu mill-magna, nagħmluhom qagħqa u mbagħad nagħmlu lewż, naqsmuhom u npoġġuhom fil-forn. ’
Kif jixhed il-kju ta’ nies li sibna l-forn biex jixtru l-qagħaq qabel l-ikla ta’ nofsinhar, il-furnar spjegalna kif fil-jum li fih tiġi mfakkra l-aħħar ċena ta’ Kristu mal-Appostli, dan il-qagħaq ikun imfittex ferm.
Tenna, ‘Bħalissa l-Qagħaq tal-Appostli huma fil-peak tagħhom, illum Ħamis ix-Xirka, allura issa kulħadd bħala furnar qed inħejju aktar fuq il-Qagħaq tal-Appostli milli fuq affarijiet oħra.’
Il-furnara spjegaw ma’ dan l-istazzjon li fl-imgħoddi kienet issir ukoll verżjoni ħelwa ta’ din il-qagħqa.
Qalulna wkoll kif f’dan iż-żmien huma bosta li jibdew jaħsbu biex jixtru il-figolli u l-bajd taċ-ċikkulata bit-tama li wieħed jirnexxielu jistenna sal-festa tal-Għid biex iduqhom.