Il-qaddief tal-klabb tal-Birgu, Dylan Portelli, ġie mogħti t-TGS Fair Play Award. Dan huwa t-tielet unur għas-sena 2023, li jkopri l-perjodu bejn Lulju u Settembru 2023.
Dan l-unur li huwa frott tal-kolaborazzjoni li l-Għaqda Ġurnalisti Sports għandha mal-Malta Fair Play Movement u Together Gaming Solutions, huwa intiż għal dawk fil-qasam tal-isport kemm fuq livell individwali jew bħala tim għal mod altruwistiku ta’ Fair Play f’kompetizzjoni/ijiet uffiċjali jew le.
Waqt l-aħħar edizzjoni tar-Regatta Nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, li saret fit-8 ta’ Settembru 2023, fi trmiem it-tiġrija Klassi A Tal-Pass Ta’ Bi Tnejn mirbuħa mill-Birgu fuq Bormla, il-qaddief ta’ Bormla Clive Casha ħassu ħażin.
Hekk kif il-qaddief Clive Casha ttieħed fuq il-lanċa tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jingħata l-għajnuna meħtieġa, Dennis Thornton spiċċa waħdu fuq id-Dgħajsa Tal-Pass Ta’ Bi Tnejn. Peress li daħlu mal-ewwel tliet klassifikati, kellha tintiżen skont ir-regolamenti tal-Għaqda Regatta Nazzjonali. F’dak il-mument Thornton ma setax jaqdef waħdu għall-użin u għaldaqstant Dylan Portelli, li ġej mill-klabb rivali tal-Birgu, offra li jmur bilqiegħda bħala rmiġġ miegħu u jgħinu jaqdef id-dgħajsa għall-użin li eventwalment kien sar. Dan huwa kkunsidrat bħala ġest kbir ta’ Fair Play, hekk kif Bormla kienu qegħdin jirriskjaw li ma jżommux mat-time limit, li kieku ma kienx hemm dan l-intervent tal-qaddief tal-Birgu, Portelli.
Edward Licari, Direttur ta’ Together Gaming Solutions.irrimarka: “Li tagħti daqqa t’id u titfa’ fil-ġenb kull rivalità huwa messaġġ qawwi li d-dinja tal-lum tant għandha bżonn! Il-ġest ta’ Dylan juri l-għaqda u għandu jservi ta’ eżempju universali.”
Il-preżentazzjoni tat-TGS Fair Play Award saret fl-uffiċini ta’ Together Gaming Solutions, minn Liana Said, Kap tal-Finanzi ta’ Together Gaming Solutions. Charles Camenzuli kien preżenti f’isem il-Malta Fair Play Movement. Għall-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi u l-membru Josef Galdes.
Individwi, timijiet, jew uffiċjali jistgħu jikkomunikaw mal-Għaqda Ġurnalisti Sports u mal-Malta Fair Play Movement biex jirrapurtawlhom att ta’ fair play billi jibagħtu email fuq info@maltasportsjournalists.com, sabiex dan il-ġest ikun ikkunsidrat.
Ritratt Fuq: Liana Said (Kap tal-Finanzi ta’ Together Gaming Solutions) tippreżenta t-trofew tat-TGS Fair Play Award għal Lulju – Settembru 2023 lil Dylan Portelli (Birgu Regatta Club), flimkien ma’ Charles Camenzuli (Chairman Malta Fair Play Movement), Stephen Azzopardi (Amministratur tal-GħĠS) u Josef Galdes (Membru tal-GħĠS).