It-tifqigħa tal-Coronavirus f’Malta qed tħalli impatt sinifikanti fuq il-ħajja tagħna u aħna qed nosservaw kontinwament din is-sitwazzjoni li qed tevolvi b’ħeffa kbira. Aħna qed nimxu skont il-parir tal-Gvern filwaqt li qed naħdmu viċin l-awtoritajiet relevanti.
Il-World Health Organisation tinforma li ċ-ċans li persuna infettata tikkontamina prodotti
kummerċjali huwa baxx u r-riskju li tieħu l-virus li jikkawża COVID-19 minn fuq pakkett li ġie trasportat u espost għal kundizzjonijiet u temperaturi differenti huwa wkoll baxx.
Madankollu, aħna nitrattaw s-saħħa u s-sigurtà kemm tal-impjegati kif ukoll tal-klijenti tagħna b’mod serju ħafna biex ngħinu fil-prevenzjoni tal-firxa ta’ kull infezzjoni taħt il-gwida tal-Awtorità Nazzjonali għas-Saħħa.
Il-Kumpanija għalhekk tfakkar il-klijenti kollha, speċjalment dawk li huma morda jew qed josservaw il-kwarantina mandatorja d-dar biex jikkoperaw b’mod sħiħ mal-pustiera tagħna. Il-klijenti għandhom iżommu d-distanza soċjali ta’ mill-inqas metru meta qed jinqdew mis-servizzi postali.
B’żieda ma’ dan, u biex nipproteġu kemm l-impjegati kif ukoll il-klijenti tagħna bl-aħjar mod possibbli, mhux ser inkunu qed nitolbu lill-klijenti biex jiffirmaw posta li teħtieġ firma meta nqassmu fl-indirizz tagħhom. L-impjegati minflok ser iżommu d-dettalji tal-isem u n-numru tal-karta tal-identità tal-persuna li qed taċċetta l-oġġett.
Ukoll, għall-klijenti kollha fejn irridu nqassmu pakkett li ma jgħaddix mill-letterbox, wara li nkunu
ħabbatna l-bieb jew ċempilna l-qanpiena, aħna se nżommu d-distanza soċjali sakemm il-klijent jieħu l-oġġett.
Jekk assolutament ma tkunx tista’ tiftaħ, aħna se nħallu nota li fuqha hemm imniżżla l-metodi
alternattivi ta’ kif tista’ tiġbor l-oġġett postali tiegħek.
Saru wkoll arranġamenti għal rotot alternattivi ta’ traffiku postali għal u minn pajjiżi li bħalissa hemm fuqhom restrizzjonijiet ta’ vjaġġar li huma l-Italja, l-Isvizzera, il-Ġermanja, Franza u Spanja.
Barra minn hekk, is-servizz ta’ posta lejn iċ-Ċina reġa ġie disponibbli.