Kemm-il darba din ix-xitwa tkun iktar kiesħa min-normal u l-ħażna tal-gass fil-Ġermanja tinżel taħt l-40 fil-mija sal-bidu ta’ Frar tas-sena d-dieħla, il-pajjiż jista’ jkollu jieħu azzjonijiet drastiċi li jinkludu r-razzjonar tal-gass.
Meta bdiet dieħla x-xitwa u l-ajru beda jiksaħ, is-siti fejn jinħażen il-gass fil-Ġermanja kienu mimlijin kważi għal kollox, iżda issa l-ħażniet bdew jitbattlu aktar ma t-temperaturi jitbaxxew u n-nies jużaw it-tisħin.
Il-President tal-aġenzija federali Ġermaniża li tirregola s-suq tal-enerġija, Klaus Müller, qal li d-djar, l-industrija, u n-negozji jridu jnaqqsu l-konsum tagħhom b’mill-inqas 20%, jekk din l-ikbar ekonomija tal-Ewropa trid tevita emerġenza fil-qasam tal-gass.
Dan kollu qed iseħħ fl-isfond tal-fatt li l-President Russu, Vladimir Putin, qed juża x-xitwa bħala l-aktar arma li qed jaraha li tista’ tgħinu jagħmel pressjoni fuq il-Punent biex jieqaf jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna. F’Awwissu huwa għalaq il-pipeline tal-gass lejn l-Ewropa – azzjoni li splodiet il-prezzijiet tal-fjuwils u tefgħet piż enormi fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi alleati tal-Ukrajna.
S’issa, l-Ewropa rnexxilha tilqa’ għal dan l-iskoss kbir billi mliet il-ħażniet tal-gass minn sorsi oħrajn. Madanakollu,l-għoli fil-prezzijiet tal-gass xorta laqat lil bosta konsumaturi, li mhux ilaħħqu maż-żieda fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Ix-xenqa ta’ Putin hi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-popolazzjonijiet tal-alleati tal-Ukrajna jagħmlu huma stess pressjoni fuq il-Gvernijiet tagħhom biex jieqfu jappoġġjaw lill-Ukrajna. Dan, imbagħad, kif qed jittama Putin, iwassal biex l-Ukrajna ċċedi.
Il-fatt hu li, aktar ma jiksħu t-temparaturi, jekk in-nies ma jkunux jistgħu jsaħħnu djarhom minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed fjuwil jew għax ma jkunux jifilħu jħallsu l-kontijiet, ikbar ikun iċ-ċans li jmutu bil-bard. Dan ifisser li, jekk iseħħ l-agħar xenarju li jsta’ jkun hemm f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-każijiet ta’ mwiet kaġun tal-mod kif Putin qed juża l-enerġija bħala arma, jistgħu jaqbżu l-għadd ta’ suldati li mietu s’issa fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Il-ġurnal The Economist irrapporta li, jekk ix-xitwa tkun moderata, huwa stmat li l-imwiet fil-pajjiżi alleati tal-Ukrajna kaġun tal-politika ta’ Putin f’dan ir-rigward jista’ jkun limitat għal 32,000 aktar mill-medja storika. Madankollu, xitwa ħarxa tista’ tfisser li fil-pajjiżi alleati tal-Ukrajna jintilfu total ta’ 335,000 ħajja aktar mill-medja storika.