Il-Ġimgħa filgħaxija, fl-Ajruport Internazzjonali tal-Malta, irritornaw f’pajjiżna l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kienu l-Greċja sabiex jissieltu n-nirien li ħakmu dan il-pajjiż kawża tas-sħana, u li saħansitra ħasdu ħajjet diversi persuni.
Fl-ajruport Malti, huma ġew milqugħa minn diversi persuni, fosthom qraba u ħbieb.
Pajjiżna bagħat grupp ta’ pumpiera fil-Greċja, proprju xahar ilu, b’din tkun ir-raba’ operazzjoni internazzjonali f’sentejn għal dan id-dipartiment – li f’dawn l-aħħar snin, ra tisħiħ sinifikanti.
Bħal ma kien ġara anke s-sena l-oħra, dawn il-pumpiera marru sabiex jgħinu pumpiera oħrajn fil-Greċja, waqt li l-pajjiż kien jinsab fi stat ta’ allarm, minħabba nirien perikolużi li jaħkmu il-boskijiet tal-pajjiż.
Jakkumpanjaw lil dawn il-pumpiera, kien hemm żewġ voluntiera – mill-Emergency Fire and Rescue Unit, kif ukoll mis-St John Rescue Corps.
B’kollox, pajjiżna bagħat 40 pumpier, maqsuma f’żewġ kontinġenti.
F’kumment ma’ ONE News, l-iStation Officer fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Mario Muscat, qasam l-esperjenza tal-pumpiera fil-Greċja u spjega kif din l-esperjenza se tkun qed tgħin lill-pumpiera f’xogħlhom f’pajjiżna.
“Kienet esperjenza interessanti. Hija ġlieda tan-nar differenti minn dik imdorrijin biha Malta. Tgħina wkoll imorru hemmek nitgħallmu ħafna, inġibu lura ħafna aktar tagħrif kif nistgħu napplikawh għal Malta wkoll. Il-pajjiż ġarrab ħafna nirien, morna ngħinuhom din is-sena għat-tieni darba; konna preparati aktar, konna nafu bħala equipment x’inhu compatible u mhux. Għamilna xahar sħiħ – konna maqsumin żewġ timijiet – kull tim għamel qisu 16-il ġurnata, b’kollox total ta’ xahar. Minn hawn nirringrazzja lill-Kapijiet tagħna, lit-Team Leaders, l-ewwel grupp u t-tieni grupp – lil kulħadd – u l-aħħar u mhux l-inqas lill-familjari tagħna li jkunu hawn Malta jinkwetaw u moħħhom fina”