Għoxrin uffiċjal Malti tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili waslu lura f’pajjiżna wara li kkontribwew fil-ħidma ta’ tifi tan-nar li ddomina bosta reġjuni tal-Greċja fejn spiċċaw jinqerdu ħafna djar u anke lukanda.
ONE News tkellem ma’ Frederick Sammut, Uffiċjal Kap tas-Salvataġġ, li ddeskriva din l-esperjenza bħala waħda tajba ħafna, minkejja r-riskji u l-perikli li ġabet magħha.
Qal, “Kienu ħmistax-il ġurnata impenjattivi ħafna. Ħdimna mal-kollegi Griegi taħt programm tal-Unjoni Ewropea, bl-isem Pre-Positioning, fejn pumpieri minn madwar l-Ewropa jmorru jgħinu f’pajjiżi li jitolbu l-għajnuna minħabba x-xogħol kbir li jkollhom.”
Sammut qal li meta kienu hemmhekk issejħu biex jitfu diversi nirien fil-foresti, b’tipografija differenti fejn kellhom anke l-għajnuna tal-ajruplani.
Qal, “Hemmhekk, ladarba dieħel f’post kollu siġar, ma tkunx taf jekk in-nar hux qiegħed warajk, ma tkunx taf jekk in-nar hux tiela’ minn x’imkien ieħor. Peress li hemm ħafna ħafna għoljiet, ir-riħ jinbidel f’daqqa, allura importanti t-teamwork li jkun hemm wieħed għassa. Apparti wieħed għassa jkun hemm oħrajn qegħdin jiċċekkjaw, għax f’kemm ili ngħidlek tista’ tkun f’ċirku ta’ nar u tista’ tinqabad hemmhekk.”
Frederick temm jgħid li bis-saħħa tat-taħriġ u l-esperjenzi kollha tagħhom irnexxielhom jirritornaw Malta b’wiċċ il-ġid.
Qalilna wkoll li, f’esperjenzi u sfidi bħal dawn, l-aktar valuri importanti huma t-teamwork u l-komunikazzjoni u li hu proprju għalhekk li rnexxielhom jegħlbu l-isfidi li ġew wiċċ imb’wiċċ magħhom waqt li kienu l-Greċja.