Pollakk ta’ 45 sena ġie arrestat wara investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga. Huwa ġie arrestat ilbieraħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li fil-pussess tiegħu nstabu madwar erba’ kilos sustanza suspettata droga eroina.
Ir-raġel twaqqaf mill-Pulizija hekk kif wasal Malta b’titjira minn Frankfurt, il-Ġermanja, wara informazzjoni li x’aktarx kien qiegħed iġorr sustanza llegali. Assistiti minn uffiċjali tad-Dwana, il-Pulizija fetħu l-bagalja u f’qiegħ falz instab pakkett li fih kien hemm l-allegat droga, b’valur fit-triq ta’ madwar €150,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella LL.D ġiet infurmata u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.